Xejn b'xejn

Kulħadd sar jaf jitħallas. Donnu l-valur li xi ħadd jagħti xi ħaġa b’xejn, li jagħti mingħajr ma jaqla’ xi ħaġa materjali, bħallikieku ntesa. Il-gost tal-ġenerosità, is-siwi tagħha, bħal donnu ntilef. Ma’ kull ħaġa li tmiss, imqar l-anqas servizz li tingħata, jitolbuk prezz, ukoll jekk żgħir.

Qligħ ieħor

Qabel in-nies kienu jagħmlu pjaċiri l-ħin kollu mingħajr ebda ħlas. Lanqas kien jaqagħlhom f’rashom li jitolbuk il-ħlas. Kienu jagħmluhom minn qalbhom u l-gost tagħhom kien li jagħmluh b’xejn. Mhux għax l-affarijiet ma kinux jiswew. Imma għax donnu kellhom dan il-valur sabiħ li jiksbu l-gost mill-għotja nnifisha. Mhux minn xi prezz li jitolbu.

Dan kien sinjal ta’ ġenerosità. Li bniedem ikun idejh miftuħa, li jkollu qalb kbira, għan-nies ta’ dari kienet xi ħaġa li tagħti sodisfazzjon. U bir-raġun. Għax il-ġenerosità hi waħda mill-aqwa valuri umani. Hi s-sinjal ċar li bniedem hu aktar miġbud lejn is-servizz u lejn is-siwi li jara ’l ħaddieħor kuntent milli lejn il-qligħ.

Illum donnu kulħadd sar ikejjel skont il-qligħ li se jagħmel. Kollox ingħata prezz u s-siwi tas-servizzi saru tista’ tgħid kollha bil-flus. Ftit issib lil min jagħti b’xejn. Il-gost tal-għotjiet b’xejn intilef. Bħal donnu sirna lkoll aktar xħaħ u nkejlu bil-flus.

Poplu ġeneruż?

Tant drajna nħallsu għas-servizzi li naqilgħu li sirna nippretendu li nħallsu ta’ kull ħaġa, ta’ kull servizz, li naqilgħu. Kważi kważi, bniedem jissusspetta li hemm xi ħaġa ħażin fin-nofs jekk ma jintalabx prezz, li ħadd ma jitolbu jħallas xi ħaġa. Mhux biss għax sirna aktar materjali. Iżda aktar għax sirna anqas ġenerużi wkoll.

Jgħidu li aħna poplu ġeneruż. Imma l-verità hi li m’aħniex aktar jew anqas ġenerużi minn popli oħra. Sirna nafu nitħallsu aħna wkoll. U xi wħud tgħallmu jitħallsu tajjeb ukoll. Kif ngħidu, kulħadd sar jaf jgħodd sal-għaxra.

Dawk li llum insejħu ‘service charges’ sirt tiltaqa’ magħhom kullimkien, ma’ kull servizz li titlob, ma’ kull ħaġa li taqla’. La qatt ħadd ma sar jagħtina xi ħaġa b’xejn, għas-sempliċi gost tal-għotja, imma aħna stess bħal sirna nippretendu l-ħlas ta’ kulma nagħmlu.

L-oqsma li baqgħu jemmnu f’għotjiet b’xejn huma ftit, marbutin ma’ daqsxejn ta’ voluntarjat. Għax illum anki l-voluntarjat sar għandu prezz. Xi wħud jitħallsu tajjeb ħafna għalih.

Ftaqarna

Il-bniedem ġeneruż ma jkejjilx bil-flus jew b’kemm tista’ l-ħaġa jew is-servizz finanzjarjament. Għax il-gost tal-għotja hi l-ħlas tagħha nnifisha. Dan hu s-sens veru tal-ġenerosità. Li hi l-ħlas tagħha nnifisha. Il-gost u s-sabiħ li bniedem jagħti b’xejn mhuwiex għax ma japprezzax is-siwi finanzjarju ta’ xi ħaġa. Anzi, bil-kontra. Għax japprezzah u jagħżel li jagħti siwi aktar lill-fatt innifsu tal-għotja.

Imma d-dinja materjali tgħallimna bil-konta. Anzi, iġġegħilna nagħmlu bil-kontra. Iġġegħilna nagħtu prezz lil kollox, inkluż il-ġenerożità, il-voluntarjat, is-servizz u saħansitra l-pjaċiri. Kollox sar għandu prezz finanzjarju. Il-prezz ta’ valuri oħrajn li ma jistgħux jiġu kkwantifikati finanzjarjament donnu sar ma jeżistix. Jekk ħaġa mhijiex materali, allura m’għandhiex valur.

Din hi l-filosofija mifruxa tad-dinja tagħna. Biha, mhux talli ma sirniex aktar għanja, imma ftaqarna. Ftaqru mhux biss il-valuri fihom infushom, bħall-ġenerosità, l-għoti b’xejn, is-servizz u l-bqija, imma ftaqru wkoll il-gost u l-pjaċir li jmur magħhom.

Kemm hu sabiħ tagħti b’xejn! Kemm hu sabiħ tidħaq bil-flus! Kemm hu sabiħ tkun ġeneruż!


http://store.payloadz.com/details/1043871-ebooks-philosophy-four-havens-of-intimacy.html

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?