Il-qawwa tan-natura

L-urugan enormi tant distruttiv fl-Istati Uniti tal-Amerika jċekkinna. Aktar minn hekk, jurina kemm, bħala bnedmin, aħna żgħar quddiem il-qilla tal-qawwiet naturali. Ilmijiet, irjieħ, nirien, u kull element ieħor li jiġi għal fuqna b’furja devastanti jġibna kważi kważi fix-xejn. L-arja kollha tagħna tintemm. In-natura hi bħallikieku enerġija moħbija u paċenzjuża li, f’ħin bla waqt, meta l-anqas inkunu qed nistennew, tqajjem is-saħħa tagħha turina snienha. L-abbuż li nagħmlu minnha jdur għalina ... jekk mhux għada, pitgħada.

Qerda sagrilega

Fil-gżejjer Maltin donnu dan l-abbuż huwa fl-aqwa tiegħu. Il-ġerħat tal-qerda tal-wirt naturali tagħna jidhru kullimkien. Max-xtajtiet. Fir-raba’. Fl-ibħra ta’ madwarna. Mal-widien. Fix-xagħri. Kulfejn tħares tara l-id tal-qerda li, għall-flus u ħafna drabi għar-rgħiba, għamlet is-sinjal tagħha mingħajr ħniena, ħsieb jew imħabba.

Dan hu dnub li ma jinħafirx. Il-qerda tal-ambjent naturali, li donnha issa saret il-mod normali ta’ kif nafu nirrelazzjonaw mad-dinja tagħna, hi l-ordni tal-ġurnata. Il-gaffef u l-krejnijiet qishom saru parti mil-linja tas-sema tagħna kulfejn tħares. Hija qerda li ma nafux ngħaddu mingħajrha aktar, u li l-firxa mġewħa tagħha qisha ma taf ebda rażan, ilġim jew tmiem.

Din hija qerda sagrilega. Għamilna kullimkien tagħna, u kkonvinċejna lilna nfusna li dan jagħtina l-jedd li nagħmlu li rridu, kif irridu, meta rridu, b’dak li għamilna pussess tiegħu mingħajr ebda kunsiderazzjoni għajr għall-qligħ tagħna nfusna llum. Għada donnu ma jeżistix, u ħaddieħor li ġej warajna donnu ebda jedd ma ħallejnilu biex igawdi u jitgħanna mill-ġid naturali tal-ambjent.

L-illużjoni l-kbira

Iżda n-natura, infinitament paċenzjuża kif inhi, ma taħfirx. Tissaportina iva. Tinsa le. Għada jew pitgħada titħallas tal-isfreġju li nagħmlu minnha. Dan hu s-sabiħ tagħna. In-natura tħalli lil min jgħaffeġ, iħawwad u jabbjuża ... imma għada jew pitgħada⸺meta ħadd ma jaf⸺terġa’ trodd kollox bħalma kien. Tħassar id il-qerda tal-bniedem, u l-bniedem ikollu jħallas.

Aħna f’dawn il-gżejjer Maltin, kif ukoll milljuni oħaf madwar id-dinja kullimkien, nisfruttaw il-wirt naturali bħallikieku għandna l-ħila nibdlu l-mogħdijiet tiegħu. Inħottu u nibnu addoċċ bħallikieku aħna naħkmu fuq in-natura u nġegħluha toqgħod għalina. Ngħixu f’din l-illużjoni kuljum u nserrħu ħajjitna u l-ġejjieni tagħna fuqha.

Imma hi illużjoni xorta waħda. U xi darba⸺meta ħadd ma jaf⸺għad trid tagħmel il-kontijiet mar-realtà. U r-realtà ma tkun togħġob lil ħadd. Għax in-natura, meta titħallas tad-dejn li nagħmlu magħha, ma tħares lejn wiċċ ħadd u ma tqis lil ħadd, Alla jberikha.

Niket kbir

L-urugani fl-Amerika ta’ Fuq, il-mijiet ta’ fenomeni naturali madwar id-dinja kollha kull sena, ifakkruna xi ftit li n-natura ma jiddominha u ma jaħkimha ebda bniedem. In-natura hi suprema. Għalhekk sabiħa. Sabiħa fil-qilla tagħha. Sabiħa fil-kefrija tagħha. Sabiħa fl-indifferenza tagħha.

Il-bniedem jgħodd is-sekondi, il-minuti, il-jiem, ix-xhur u s-snin, u jaħseb li għandu idea ċara taż-żmien. Iżda ż-żmien tiddeterminah in-natura, li donnha taħseb f’sekli, f’għexieren ta’ sekli u f’eluf ta’ sekli. In-natura ma tħallasx nhar ta’ ġimgħa. Imma meta titħallas, titħallas waħda u sew.

Hija l-bluha tar-rgħiba tal-bniedem li fl-aħħar mill-aħħar teqirdu. Għax il-ħakma li jaħseb li għandu fuq il-wirt naturali, u l-abbuż li jagħmel minn dan il-wirt, huma għall-qerda tiegħu stess.

Sadattant, imma, huwa tabilħaqq ta’ niket kbir narawna neqirdu ’l wirt naturali sabiħ ta’ pajjiżna u tad-dinja meraviljuża tagħna.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?