Kwistjoni ta’ skruplu

Naraha ħasra li sempliċi għażla ta’ kap ta’ partit għandha tispiċċa kwistjoni ta’ tant odju, tnassis u ħdura. Tassew, din hijiex l-ewwel darba li ġrat ħaġa bħal din, la f’Malta u lanqas barra. Madanakollu, xorta waħda jidhirli li, meta jiġri hekk, la jkun l-akbar ġid tal-partit li jkun qed jiġi mfittex u wisq anqas l-akbar ġid tan-nazzjon.

Għażla sterili

Fil-proċess għall-għażla tal-kap il-ġdid tiegħu, jidhirli li l-Partit Nazzjonalista kellu qabel kollox jagħmel analiżi serja ta’ x’tip ta’ partit irid ikun fis-snin li ġejjin fi ħdan iċ-ċirkustanzi kurrenti tal-pajjiż. Parti minn dan il-proċess kellu jkun, naħseb jien, għala l-partit tilef żewġ elezzjonijiet wara xulxin b’mod daqshekk spettakulari.

Minflok, x’għamel il-partit f’dawn l-aħħar ġimgħat ta’ taħwid totali? Ħares lejn il-personalitajiet. Flok ra x’għandu bżonn il-partit jew x’għandu bżonn il-pajjiż jew in-nazzjon, qagħad iħares lejn l-uċuh tan-nies. Flok il-partit kollu ngħaqad qaqoċċa biex jara x’għamla ta’ partit hemm bżonn għall-pajjiż u għall-poplu tagħna, il-partit kollu donnu beda jagħmel bħal kelb li jiġġieled ma’ siequ jew ma denbu.

L-għażla ma kinetx feliċi sa mill-bidu. Ikkontestaw avukati biss, bħallikieku l-partit ma jistax jeħles mill-idea li hu partit tan-nies tal-liġi, bħalma dejjem kien. Bħallikieku pajjiżna, fil-kuntest tas-sitwazzjoni Ewropea tal-lum, nies tal-liġi għandu bżonn biex imexxuh.

L-aħħar kapitlu politiku

Milli stajt nifhem, donnu l-partit għadu mhuwiex lest biex jifhem sewwa x’laqtu fl-aħħar żewġ elezzjonijiet li għaddew. Donnu għadu mhuwiex lest biex jifhem x’għandu bżonn il-pajjiż, illum u wisq anqas fil-futur qrib. Donnu għadu mhedi wisq bih innifsu biex jagħraf jinbidel kemm hemm bżonn skont iċ-ċirkustanzi. Dan, narah jien, hu sinjal li l-partit lanqas biss lilu nnifsu ma hu qed jifhem sewwa.

L-istorja politika tal-lum naraha li bdiet b’Fenech Adami madwar l-1993 meta dan, bi spejjeż tal-politika demokristjana li kellu qabel, addotta biċċa kbira tal-politika neoliberali tal-Komunità Ewropea. Din kienet deċiżjoni fundamentali li bidlet ix-xena tal-politika Maltija. La Lawrence Gonzi u lanqas Joseph Muscat ma biddlu din id-direzzjoni l-ġdida.

Anzi, filwaqt li Gonzi narah li ħaddimha mingħajr immaġinazzjoni, Muscat għamilha tiegħu, ipperfezzjonaha u mexxieha ’l quddiem b’ħila akbar minn Fenech Adami nnifsu. Kien għalhekk, nifhimha jien, li rnexxielu jirbaħ lin-Nazzjonalisti darbtejn wara xulxin b’riżultati fenomenali.

Lil hinn minn Muscat

X’kellu Muscat li Fenech Adami ma kellux? Kellu skrupli anqas. Filwaqt li Fenech Adami ħaddan politika neoliberali proposta mill-Unjoni Ewropea, il-formazzjoni demokristjana tiegħu wikkietu b’ħafna skrupli li rażżnuh milli jersaq lejn il-konklużjonijiet loġiċi ta’ dik l-għażla. Muscat kellu anqas skrupli minnu biex jagħmel dan, u għamlu.

Minkejja dan, Muscat ukoll kellu l-iskrupli tiegħu, l-aktar dawk ġejjin mill-kuntest storiku tal-Partit Laburista. Dawn rażżnuh ukoll, fortunatament; ġibduh lura milli jieħu deċiżjonijiet li n-neoliberaliżmu jitlob mingħajr rażan jew ħniena għaż-żgħir u l-batut. Grazzi għal Mintoff, il-kuxjenza soċjali fil-politika Maltija għadha xi ftit jew wisq qawwija.

Għat-tajjeb jew għall-ħażin, politika nazzjonalista li trid tegħleb lil Muscat jeħtiġilha jkollha anqas skrupli minnu. Sakemm ir-regoli tal-logħba politika li beda Fenech Adami madwar l-1993 jibqgħu f’posthom⸺kif jidher li se jibqgħu fil-futur qrib⸺il-Partit Nazzjonalista ma jistax jagħmel mod ieħor għajr li jilgħab skont dawn ir-regoli. Jeħtieġlu wkoll, iżda, li jmur lil hinn mill-iskrupli ta’ Muscat u jfittex li jersaq aktar lejn il-konklużjonijiet loġiċi li din il-logħba tiddetta.

Jekk ma jagħmilx dan, aktarx li jibqa’ jitlef. U dan ma jidhirx li lest li jagħmlu.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?