Sunday, 24 September 2017

L-Air Malta ta’ darba

Il-problema tal-Air Malta donnha dejjem ittella’ mill-qiegħ akkużi ta’ min hu tabilħaqq il-ħtija li l-linja nazzjonali tagħna tal-ajru spiċċat fi stat ta’ problema hekk gravi. Ovvjament, l-akkużi ma jservu għal xejn għajr biex isaħħnu l-irjus. Dan jagħmel is-soluzzjonijiet għall-problema aktar diffiċli għax, flok ma nfittxu l-ġid li jagħmel tajjeb għal kulħadd, ninfexxew f’battibekki politiċi li jkomplu jżidu mal-problema.

Kumpanija ta’ ġieħ

L-Air Malta hi aktar minn sempliċiment linja tal-ajru. Hemm relazzjonijiet sentimentali marbutin magħha. Min għadu jiftakar jaf tajjeb x’jum ta’ ġieħ kbir kien għan-nazzjon Malti l-31 ta’ Marzu tal-1974 meta l-Air Malta ġiet inawgurata. Qabbli jiftakar ukoll meta, fil-21 ta’ Marzu ta’ sena qabel, Mintoff fil-parlament tkellem b’mod tant elokwenti fit-tħabbira tal-Air Malta u fl-approvazzjoni tal-att għat-twaqqif tal-kumpanija tagħha.

Aktar minn hekk, jiftakar, aktarx b’nostalġija, bit-tkabbir, ftit ftit, li minn sena għal sena bdiet tagħmel l-Air Malta, kif ukoll bil-qligħ li bdiet tagħmel kull sena f’idejn tmexxija għaqlija bl-isforzi ta’ nies bħal Albert Mizzi. U aktarx jiftakar ukoll ma’ dan, din id-darba b’niket, meta, fid-29 ta’ Ġunju tal-1983, is-Sur Mizzi safa vittma politika ta’ bomba mar-residenza tiegħu f’San Ġiljan.

It-tifkiriet marbuta mal-Air Malta ma jeqfux; mumenti sbieħ daqskemm xi kultant koroh. Bħal meta nħataf ajruplan tal-Air Malta minn żewġ Torok f’Ġunju tal-1997. Jew bħal meta l-linja ġiet marbuta mad-diżastru ta’ Lockerbie lejn tmiem l-1989. Jew ukoll bħal meta, sa nofs l-2003, l-Air Malta kienet twasslet li ġġarrab telf ta’ għaxar miljun lira Maltija.

Soluzzjonijiet slavaġ

Kulħadd donnu jaqbel li kien hemm żmien meta l-Air Malta kienet intrapriża ta’ suċċess kbir. Imbagħad qisu qabdet it-triq tan-niżla. Għala ħadd li jidher li jaf bl-eżatt. Jista’ jkun li kien minħabba amministrazzjoni ħażina. Għandu mnejn kien minħabba l-politika. Għax, ngħiduha kif inhi, imqar l-Air Malta ġibdet l-għira, bħalma ġibditha wkoll it-Tarzna.

Minkejja li t-tifkiriet u n-nostalġiji ma jiswew kważi għal xejn biex tissolva l-problema bl-Air Malta llum, jgħoddu biss bħala tfakkira li din il-linja tal-ajru trid tiġi salvata bl-anqas dannu possibbli għal dawk kollha involuti fiha. Din hi kumpanija għażiża u importanti għan-nazzjon Malti. Iva, jeħtieġ tiġi salvata. Ukoll, jekk hu diżrazzjatament meħtieġ, b’soluzzjonijiet ħorox.

Madanakollu, hemm differenza bejn soluzzjonijiet ħorox u soluzzjonijiet slavaġ. Fl-aħħar erba’ snin, il-gvern jidher li għamel sforz qawwi ħafna biex isib tarf il-kankru li qed jiekol lill-Air Malta. Evidentement, dan l-isforz ma rnexxiex. Floku, hemm it-tentazzjoni li jittieħdu miżuri slavaġ, jiġifieri li ma jagħtu każ ras ħadd. Miżuri bħal dawn ma jagħmlu ġid lil ħadd, lanqas lil min jagħmilha, aħseb u ara lil min ibatihom.

Il-ħaddiem iż-żgħir

Xi wħud jiftakru l-ħsara, tista’ tgħid għalxejn, li saret meta, f’Ġunju tal-2011, aktar minn 500 impjegati ġew imneħħija f’salt minn mal-Air Malta. Kien iż-żgħir li kielha dak in-nhar. U hekk jiġri meta jittieħdu deċiżjonijiet ta’ malajr, bla għaqal u b’mod salvaġġ.

Il-ħaddiem iż-żgħir m’għandu qatt iħallas l-ispejjeż ta’ min hu paxxut fuq peltruna. L-anqas m’għandu l-ebda ħaddiem, mal-Air Malta jew mhux, isir ċippitatu f’idejn dawk li jridu vantaġġ politiku ta’ malajr u ħafif minn sitwazzjoni diffiċli ta’ niket li ilha takkumula l-għexieren ta’ snin.

Il-gvern jagħmel sewwa li jsalva l-Air Malta. Jagħmel sewwa li jieħu deċiżjonijiet ħorox biex isalvaha. Iżda mhux għas-spejjeż tal-ħaddiem iż-żgħir jew bis-salvaġiżmu kontrih. Tassew, f’din il-kwestjoni bħal f’oħrajn, kulfejn taqta’ se joħroġ id-demm. Iżda m’għandux ikun id-demm taż-żgħir.

http://www.bdlbooks.com/biographies-and-memoires/6320-jien-manwel-dimech-l-istorja-ta-hajti.html

No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever