X’għali għall-mewt għandi għat-tmiem inġust, godard u qarrieq ta’ Daphne Caruana Galizia! Kienet x’kienet il-fehma politika tagħha, kien x’kien il-mod kif titkellem u tikteb, il-qerda terribbli tagħha hija telfa għal Malta u Għawdex kollha, telfa għad-diċenza tagħna, telfa għaċ-ċiviltà tagħna, telfa għal-libertà tal-espressjoni.
Daqqa lil pajjiżna
Meta nhar it-Tnejn li għadda, 16 t’Ottubru, smajt bil-qtil attroċi ta’ Caruana Galizia, ħassejtni nimrad. Mhux għax kont naqbel ma’ xi fehma tagħha, mhux għax kont nafha mill-qrib, mhux għal xi raġuni personali, daqskemm għax in-nazzjon tagħna ġie fuqu dan l-għajb kbir li ġurnalista bħalha tintemm b’dan il-mod.
Dan hu pajjiż ħieles, pajjiż li jħalli lil kulħadd jgħid li jrid, pajjiż li fih kulħadd jista’ jgħid dak li jrid kif irid, pajjiż li jħobb, jippromovi u jiddefendi d-dritt tal-espressjoni. Caruana Galizia kienet teżerċita dan id-dritt sal-limiti tiegħu, u forsi lil hinn ukoll. Imma kien dan id-dritt, sagrosant għal kull demokrazija u ċiviltà, li n-nazzjon tagħna ggarantielha għas-sigurtà tagħha.
Ma jeżisti ebda dritt tal-espressjoni mingħajr sigurtà. Min jitkellem irid ikun fiż-żgur li ma jaqlagħhiex. Imma din is-sigurtà ġie ivvjolata t-Tnejn li għadda. Dan id-dritt ġie mogħti daqqa kerha ta’ mannara li ma jixraq lil ħadd f’pajjiż iċċivilizzat.
Il-qalb imġerrħa tan-nazzjon
L-indinjazzjoni li ħassejt din il-ġimgħa għal dan l-assassinju viljakk jirrifletti biss l-għożża li lkoll għandu jkollna għad-dritt tal-espressjoni li d-demokrazija ta’ pajjiżna jissejjes fuqu. Caruana Galizia kienet eżempju sabiħ u rari ta’ kemm dan id-dritt jista’ jittieħed sal-limiti tiegħu.
Hi x’inhi l-fehma tagħna fuq il-ġurnaliżmu tagħha, konniex naqblu jew ma naqblux ma dak li kienet tgħid u kif tgħidu ... ilkoll kemm aħna konna, għadna u nibqgħu niddefendu d-dritt tagħha li tgħidu. Li ġurnalista bħal din, estrema kemm kienet estrema, tintemm hekk, b’din il-krudeltà, indifferenza u stmerrija kollha, huwa insult lilna lkoll li nħobbu d-demokrazija, lil pajjiżna u ċ-ċiviltà tagħna.
It-Tnejn li għadda, b’dak l-att aħdar u insensittiv, kienet il-qalb tan-nazzjon Malti u Għawdxi li ġiet imġerrħa. Nibki—emminni—meta nġib f’moħħi dak it-tmiem terrifikanti li jitfa’ fl-għajb lilna lkoll u jħammeġ l-isem ta’ pajjiżna u tan-nazzjon tagħna.
Ġudizzji mgħaġġla
Ħafna għaġġlu biex mill-ewwel jibdew jagħmluha tal-ġudikanti u jitfgħu l-ħtija fuq naħa jew fuq oħra. Għaġġlu għax il-politika tibqa’ tagħma lil min hu ffissat biha. Imma xogħlna din il-ġimgħa ma kinetx li niġġudikaw jew li nasla għal xi konklużjoni bl-amment u bl-addoċċ. Kienet li nitnikktu—bil-kbir—għal dan l-oltraġġ li sar lil pajjiżna.
Jien nagħli għal Caruana Galizia personalment ukoll. Iva. Nagħli għall-inġustizzja aħħarija li saret magħha f’dan l-att hekk beżżiegħ. Nagħli għax ebda persuna, partikularment ġurnalista bħal din, m’għandha jkollha tmiem bħal dan. Nagħli għaliha, għal uliedha, għall-familja tagħha, ... imma l-aktar għan-nazzjon Malti u Għawdxi.
Is-sigurtà tal-ġurnalisti, huma min huma, jgħidu x’jgħidu fil-qadi ta’ xogħolhom, huwa imperattiv f’pajjiż demokratiku u ċivilizzat. Mingħajr il-ġurnalisti, speċjalment ta’ dawk li huma l-aktar kuraġġużi, imprudenti u vokali, iċ-ċiviltà demokratika tagħna taqa’ biċċiet. U magħha jaqgħu l-libertajiet tagħna kollha.
Minn hawn hekk nixtieq nagħti l-kondoljanzi minn qiegħ qalbi lil ulied Caruana Galizia u lill-familja tagħha. Nibki magħhom għal din it-telfa terribbli. Bħalma nibki man-nazzjon imġerraħ tagħna.
Sunday, 22 October 2017
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
Top posts last 30 days
-
Għal ħafna minna, l-għalliema huma dawk li jgħallmu fl-iskejjel. Dawn huma għalliema, tassew, imma mhux biss. Ilkoll kemm aħna ngħallmu li...
-
Pierre Ellul’s film, DEAR DOM (cinematography of Paul and John Preca Trapani) is presented as an open letter to Dom Mintoff; a letter, app...
-
Spiss nisimgħu li għandu jkun hawn l-għaqda fost il-Malta u l-Għawdxin. Spiss nisimgħu min jilmenta li l-poplu Malti u Għawdxi hu mifrud p...

Top posts ever
-
X’għali għall-mewt għandi għat-tmiem inġust, godard u qarrieq ta’ Daphne Caruana Galizia! Kienet x’kienet il-fehma politika tagħha, kien x...
-
Huma ftit u rari l-Maltin li jkollhom joqogħdu qrib is-sodda ta’ xi ħadd li jkun rikoverat fl-isptar t’Għawdex. Bil-maqlub, huma ħafna akt...
-
F’dawn l-aħħar ġimgħat, min minna seta’ jinjora l-akkużi li baqgħu jsiru mingħajr rażan? Rajna l-oppożizzjoni tirkeb il-karru li rikbu l-p...
-
Pierre Ellul’s film, DEAR DOM (cinematography of Paul and John Preca Trapani) is presented as an open letter to Dom Mintoff; a letter, app...
-
I have come about to write this article after much thought and prayer, and not without spiritual and psychological anguish, even at this v...

Naqbel 100%
ReplyDeleteSo true Malta ma ghadiex li kienet .
ReplyDeleteKull min hu bniedem ta' rieda tajba; kull min għandu moħħ biex jirraġuna, kull min jagħraf li aħna lkoll għandna nafu nagħdru u nħennu, ma jistax ma jaqbilx ma fr Mark. Jien ukoll mhux dejjem qbilt ma' dak li kitbet Daphne iżda qatt u qatt ma kont nobsor li din ser tispiċċa b'mod daqshekk krudili. U dan, għax kienet taqdi l-professjoni tagħha bl-akbar serjeta'. Mulej agħtiha l-mistrieħ ta' dejjem.
ReplyDelete