Sunday, 8 October 2017

Is-saħħa lill-ħaddiem

Dan il-kliem, “is-saħħa lill-ħaddiem”, inkiteb fl-Innu Malti madwar mitt sena ilu. Fuq livell individwali, għalkemm f’dak iż-żmien kien jinftiehem mod u llum jinftiehem mod ieħor, xorta waħda baqa’ ta’ siwi. Madanakollu, it-tifsir kollettiv li kellu jingħata dan il-kliem wara t-tieni gwerra dinjija donnu ntilef u għandu mnejn illum jenħtieġ li jerġa’ jinkiseb.

Għajja tal-moħħ

Is-saħħa tal-ħaddiem hija l-qofol li fuqha hi mibnija ċ-ċiviltà u l-ekonomija tagħna. Mitt sena ilu, meta kienu jitkellmu fuq is-saħħa individwali tal-ħaddiem, bħalma aktarx ried ifisser Dun Karm Psaila fl-Innu Malti, kienu jifhmu s-saħħa fiżika. Il-ħaddiem—kemm irġiel, kif ukoll nisa u saħansitra tfal—kellu biss is-saħħa tiegħu x’joffri lil min iħaddmu. Mingħajrha kien jintrema u jitfaqqar.

Illum mod ieħor. Illum, meta nitkellmu fuq is-saħħa tal-ħaddiem, aktarx aktar nifhmu s-saħħa mentali. Għalkemm għad fadal ħaddiema li jagħmlu xogħol iebes, il-kundizzjonijiet f’pajjiżna xejn m’għad għandhom x’jaqsmu mat-tbatijiet li kien iġarrab il-ħaddiem mitt sena ilu. It-tbatija ta’ ħafna, bil-pressjonijiet li hawn u bit-tensjoni li jeżistu, illum hi aktar mentali.

Is-saħħa mentali tal-ħaddiem hi xi ħaġa aktar delikata mis-saħħa fiżika. Minkejja li din tal-aħħar hi ta’ siwi kbir f’kull ħaddiem, meta ’l ħaddiem tonqoslu s-saħħa fiżika, u jimtela tilja dipressjoni u wġigħ ir-ras, il-kwalità kollha ta’ ħajtu tmur fin-nofs, kif ukoll dik tal-familja kollha tiegħu.

Intemm il-kollettiv?

Il-movimenti tal-ħaddiema, barra daqskemm f’Malta, meta bdew jagħmlu t-taqbidiet kbar tagħhom kien qabel xejn is-saħħa fiżika li aktarx kellhom fit-tir tagħhom. Iżda llum, dan it-tisħiq jieħu t-tieni post ħdejn is-saħħa mentali. Il-pressjonijiet li għandna llum fuq il-postijiet tax-xogħol qed inawru ’l ħaddiem, jagħmluh imdejjaq u jiftħuh għall-isfruttament u l-abbuż.

Fuq livell kollettiv, mitt sena ilu l-kliem “is-saħħa tal-ħaddiem” kellu indirizz trejdjunjonistiku. L-għajta ‘is-saħħa fl-għaqda’ kienet bħallikieku l-kurunella tal-movimenti tal-ħaddiema. Illum dan kollu nbidel. Il-kultura kapitalista u s-sistema neoliberali xejnet kważi għal kollox is-saħħa tal-junjins b’mod li l-għaqda tal-ħaddiema f’kenn wieħed saret bħallikieku xi ħaġa bla ħajra u bla siwi.

Ħafna mill-ħaddiema llum, jekk mhux il-biċċa l-kbira tagħhom, iridu jaqdfu għal rashom. Għaqda tabilħaqq, għall-anqas għaqda industrijali u trejdjunjonistika, ma teżistix aktar għalihom. Għaldaqstant, is-“saħħa tal-ħaddiem” sar ikollha tifsir biss fuq livell individwali u mhux aktar fuq livell kollettiv.

Tensjonijiet

Din mhijiex xi ħaġa sabiħa. Għax ħaddiem ftit għandu saħħa mal-qawwa tas-suq u tas-suqqiena meta jkun jinsab waħdu, irid jaqta’ bi snienu jew ibati fis-silenzju tal-frustrazzjoni. U hawnhekk ukoll, mhijiex aktar is-saħħa fiżika tiegħu li tiġi mhedda—anzi, din aktarx titpaxxa b’mod li tista’ tiġi mmanipulata aħjar—iżda s-saħħa mentali.

Illum, diżgrazzjatament, id-dipressjonijiet u t-tensjonijiet tal-ħaddiema, jew tal-biċċa l-kbira tagħhom, tista’ kważi kważi tmissha b’idejk. Ma’ dawn, tista’ tilmaħ ukoll madwarna ħafna nervożiżmi u aġir, imqar ta’ divertiment, li jista’ jitqies kompulsiv u sa newrotiku.

Il-ħaddiem m’għadux b’saħħtu. La individwalment u wisq wisq anqas kollettivament. B’dan mhux hu biss qed imur minn taħt, imma s-soċjetà kollha u l-pajjiż kollu. Din il-mixja ’l isfel għad ma tħalli nifs lil ħadd u jkollna nerġgħu nibdew nirrevedu dak li ħallejna warajna. Il-movimenti tal-ħaddiema jkollhom jerġgħu jqumu biex jintradd dak li ntilef.

Dan ikum il-mument meta, mhux aktar is-saħħa fiżika waħedha jew is-saħħa mentali waħedha tibda titfittex, iżda t-tnejn flimkien. U lanqas is-saħħa kollettiva waħedha jew is-saħħa individwali waħedha, iżda t-tnejn li huma.

AGĦFAS FUQ IR-RITRATT 
https://www.midseabooks.com/publications_detail.aspx?pid=13844#.WdOpt9GxVkg

No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever