Indignazzjoni

L-ewwel sentiment, u l-aktar—u, għandu mnejn, l-uniku—sentiment komuni, li l-poplu Malti u Għawdxi ġarrab mal-qtil godard ta’ Daphne Caruana Galizia kienet l-indignazzjoni. Qabel ma daħal il-partiġġjaniżmu politiku, qabel ma daħlu l-opportunisti, qabel ma bdew il-paniġierki, qabel ma ddeffsu l-moralisti, qabel ma serdqu l-ġudikaturi ... kien hemm l-indignazzjoni. U bir-raġun. Sal-lum—għall-anqas s’issa—hija l-indignazzjoni biss li tista’ tibqa’ tiggwidana biex inżommu rasna fuq għonqna u nġibu rwieħna ta’ nies sensibbli.

Indignazzjoni xierqa

Nerġa’ ntenni dak li għedt ftit ilu, li jien nista’ ma naqbel xejn ma’ dak li kienet tgħid Daphne, li jien nista’ ma naqbel xejn ma kif kienet tgħidu, li jien nista’ ma naqbel xejn mal-partiġġjani, l-opportunisti, il-paniġeristi, il-moralisti u l-ġudikaturi ... imma xorta waħda nibqa’ indignat, profondament, għall-qtil hekk indifferenti u krudil.

Min jitlef rasu u jħalli ’l rasu tinġarr mill-partiġġjaniżmu, l-opportuniżmu, il-paniġeriżmu, il-moraliżmu u l-ġudizzju, malajr se jsib li l-indignazzjoni għalih mhijiex biżżejjed. Magħha jrid jipponta subgħajh bl-addoċċ, iħoll ilsienu biex itaqtaq bla rażan u jħalli ’l qalbu tixxiehel bla għaqal. Bniedem bħal dan ikun nesa minn fejn telaq, tfixkel fit-triq u tħawwad—jekk qatt kien jaf—fejn ried jasal.

L-indignazzjoni tiġi mill-għarfien ċar kristall li ma jistax ikun li persuna tinqatel bil-mod kif inqatlet Daphne u kollox jibqa’ l-istess. Din l-indignazzjoni hija f’postha. U hija ġustifikata. Iżda ma tibqax aktar hekk meta tixxierek man-nuqqas ta’ dekor fil-ħsieb, man-nuqqas ta’ rażan fid-diskors u man-nuqqas ta’ għaqal fl-għemil.

Minn din nistgħu nkunu ċerti: li l-ebda partiġġjan, l-ebda opportunist, l-ebda paniġerist, l-ebda moralist u l-ġudikatur ma qatt jista’ jkun dekoruż, rżin jew għaqli. Jien, għal wieħed, ma rrid qatt li nkun magħdud ma’ dawn.

Għadab żvijjat

Wara l-qtil brutali ta’ Daphne, dan in-nazzjon seta’ tabilħaqq ġie magħqud fl-indignazzjoni tiegħu. Li kieku għamel hekk, kien juri lid-dinja kollha li hu nazzjon għaref, matur u ta’ ġieħ. Kien juri li mhuwiex nazzjon maħkum mill-għama tal-passjoni, jew mill-kilba tal-ġlied, imma mid-dehen tal-prudenza u mill-għożża tar-raġuni.

Minflok, xi wħud intelqu għat-tkattir tal-firda, għat-tgħajjir, għall-insulti, għat-theddid u għall-offiżi. Fl-għaġla tagħhom biex jidderieġu l-għadab ġust tagħhom, immirawh lejn min ġie ġie, kuntenti li issa kellhom fuq xiex jitgħajru.

Allaħares dan-nazzjon u dal-poplu mhuwiex indignat bil-qtil feroċi ta’ Daphne, imma x’ħasra kbira hi li xi wħud ġrew biex ilibbsu l-antipatiji qodma tagħhom b’din l-indignazzjoni, biex b’hekk ħammġuha u kasbruha, u waqqgħu wiċċ il-pajjiż li jgħidu li jħobbu.

L-għaqda l-ewwel

Jien, għal wieħed, profondament indignat b’dan l-assassinju atroċi u moqżież, u, mal-biċċa l-kbira ta’ dan il-poplu, ma nistax nistenna li jgħaddi qisu qatt ma kien xejn, jew li xi ċittadin jista’, f’pajjiż bħal dan, jiġi ttrattat b’dan il-mod. Imma ma nista’ qatt naċċetta li dan ikun skuża għal aktar irrazzjonalità, irresponsabbiltà u mibegħda.

Dan hu li qed naraw minn xi xħud. Huma min huma—jistgħu jkunu ta’ naħa u jistgħu jkunu ta’ oħra—jien ma nista’ qatt inqis lili nnifsu wieħed minnhom. Quddiem dal-qtil terribbli ta’ Daphne, l-ewwel li m’għandha tiġi hija l-għaqda ta’ bejnietna, u żgur mhux il-firda u l-mibegħda.

Għall-partiġġjani, l-opportunisti, il-paniġeristi, il-moralisti u l-ġudikaturi, kull skuża hi tajba biex irewħu l-qrusa tagħhom. Imma min hu f’sensih, ma jisseħibx magħhom; ma jħallihomx jinqdew bih għall-iskopijiet moqżieża tagħhom.

Din hi siegħa li fiha nistgħu nuru tabilħaqq li aħna nazzjon għaref, matur u ta’ ġieħ.


http://www.bdlbooks.com/philosophy/3773-malta-s-philosophy-philosophers.html

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?