Korrotti. B’daqshekk?

Iltqajt dan l-aħħar ma’ grupp t’Olandiżi biex nagħtihom taħdita fuq it-twemmin fil-gżejjer Maltin. Meta temmejt dak li ħejjejt biex ngħid, il-mistoqsijiet kienu kollha fuq il-korruzzjoni f’pajjiżna; f’dan biss donnhom kienu interessati. Ftit tal-ġimgħat wara, kelli komunikazzjoni bl-Internet ma’ għadd ta’ Spanjoli fuq ix-xogħlijiet letterarji Maltin; il-mistoqsijiet li bdew jagħmluli kienu fuq il-korruzzjoni f’pajjiżna; bħall-oħrajn, f’dan kienu interessati l-aktar.

Korruzzjoni endemika

Dan l-interess makabru qam dan l-aħħar minħabba li kulħadd sema’ bina li aħna litteralement noqtlu għall-korruzzjoni. Ngħiduha kif inhi, il-barranin li qatt ma rifsu fuq artna, u li aktarx bil-kemm qatt semgħu bina qabel, qishom f’daqqa waħda skoprew dak li l-barranin li jgħixu hawnhekk f’Malta jew f’Għawdex tgħallmu mal-ewwel ftit ġimgħat tagħhom fostna, u li aħna, bejnietna, ilna nafu ħafna: li aħna korrotti sa minn qaddisna!

M’għandniex xi ngħidu, dan ma ngħiduh qatt fil-beraħ, u lanqas qatt nammettuh. Il-Malti u l-Għawdxi minn dejjem tar-ruħ kien, u aktarx hekk jibqa’ għal dejjem. Madanakollu, liema Malti u Għawdxi ma jafx il-qawl ‘Aħjar ħabib fis-suq minn mitt skud fis-senduq’? Kull Malti u Għawdxi jaf li bla ħbieb ma tasal imkien. Jaf jgħid ukoll: ‘Għin ruħek biex Alla jgħinek’; u kulħadd jgħin ruħu.

Kollox sew, li ninqdew bil-ħbieb biex, bis-sewwa jew bid-dnewwa, naslu fejn irridu naslu, ħadd ma jsejħilha ‘korruzzjoni’. Hija kelma kerha, maħmuġa u midinba li aħjar ngħaddu mingħajrha. Iżda, bħalma jgħid Shakespeare f’Romeo u Ġuljetta: ‘Tfuħ l-istess warda b’kull isem ieħor’.

Kulħadd imċappas

Il-korruzzjoni għandha tradizzjoni qadima fostna. Ma nafx qatt kienx hemm xi ħadd li kiteb l-istorja tagħha. Aktarx le. Ħasra; għax, li kellu jagħmel hekk, kien isib li t-tixħim, il-pjaċiri, il-favuri u n-neputiżmi ilhom sekli sħaħ irabbu l-għeruq tagħhom fostna — u, tista’ tgħid, dejjem bil-barka tas-sema!

Ibda minn żmien il-Kavallieri—biex ma mmorrux ’il bogħod ħafna—u spiċċa sallum, tgħallimna mill-Knisja u mill-Istat, u minnhom it-tnejn f’kukkanja ma’ xulxin, biex ma nsemmux kull istituzzjoni oħra li qatt eżistiet, ibda mill-familja, li dejjem ‘id taħsel lill-oħra’, u wkoll: ‘Ħokkli dahri u nħokklok tiegħek’.

Jien ngħidlek li m’hawnx bniedem Malti u Għawdxi wieħed li m’huwiex korrott f’dal-pajjiż! Lanqas wieħed. Lanqas waħda. Għax ilkoll kemm aħna, ibda minni, tgħallimna nkellmu ’l dan u nkellmu ’l oħra, niftiehmu ma’ din u niftiehmu mal-ieħor, ngħaddu kelma ma’ wieħed u ngħaddu kelma ma’ waħda — biex dak li rridu, fl-aħħar mill-aħħar neħduh. Imbasta naslu. Kif ngħidu bejnietna: ‘Fejn jidħlu l-interessi m’hemmx permessi’; ... jidħlu biss il-ħbieb u l-ħbieb tal-ħbieb. Il-bqija jiġi waħdu.

L-għamla normali

Xi wħud dan isejħulu ‘qligħ diżonest’, jew isejħulu ‘frodi’, jew jgħidu li jinvolvi t-tixħim bil-pulit. Dażgur li hu diżonest! Dażgur li hu frodi! Dażgur li jinvolvi t-tixħim bil-pulit! Imma aħna xejn minn dan ma nsejħulu; u m’għandniex għalfejn. Għax aħna ngħidu li hu ‘għaqal’ u ‘bżulija’ meta wieħed iħaddem rasu, jaf minfejn għandu jgħaddi u, fuq kollox, jaf lil min għandu jkellem.

B’daqshekk—għax insejħulu ‘għaqal’ u ‘bżulija’—m’huwiex ħażin? Dażgur li hu ħażin! Kien u jibqa’ ħażin dejjem. Imma għalina jgħaddi. Għalina, nies tar-ruħ kemm trid, dan hu l-għamla normali kif ngħixu, naħdmu, nieklu u nagħmlu sold. Tant hu normali, li sa minn żmien żemżem waqafna nqisuh moralment korrott.

Inkunu onesti, jekk nafu kif, u l-iswed insejħulu iswed, u l-abjad insejħulu abjad. Għalxejn il-ħmar jgħajjar lil denbu. Għax ilkoll kemm aħna, ibda minni, ninsabu f’din il-borma. Dejjem jaqbel li, qabel ma naraw it-tibna f’għajnejn ħaddieħor, naraw it-travu li għandna f’għajnejn aħna.

B’daqshekk għandna għalfejn nistħu? U kif!

Agħfas fuq ix-xbieha t'hawn taħt:

https://maltaonlinebookshop.com/product/min-jghidu-n-nies-li-jien/

Comments

  1. Artiklu interessanti imma maghidtx kif weggiebt lil-Olandizi u l-Ispanjoli.
    Ma nahsiebx li huma ahjar minna, anzi nghid li huma bil-wisq ghar minna. Hares lejn pajjizhom. Wiehed huwa post minn fejn tghaddi droga u mhux qed nghid ghal haxixa u l-iehor pajjiz li spicca jitkarrab ghal ghajnuna finanzjarja minghand haddiehor.

    ReplyDelete
    Replies
    1. Allura jekk huma agħar minnha ma għandhomx dritt isaqsu jew jikkummentaw? Int wieħed minn dawn li tirraġuna tu quoque?

      Delete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?