Ftehim għal tkasbir?

Ma’ min kienu miftehmin il-Membri tal-Parlament Ewropew biex jiġu hawnhekk taparsi biex jagħmlu stħarriġ meta fil-fatt ħsiebhom kien biss li jkasbru lil pajjiżna? Min ftiehem magħhom m’għandux żejt f’wiċċu biex iqabbad il-barranin jagħmlu x-xogħol maħmuġ tiegħu? Ftehim bħal dan—baxx u vergonjuż—ma jagħmel ebda ġieħ lil min iridha ta’ qaddej pubbliku. Huwa ftehim ta’ bejn il-malviventi.

Ftehim partiġġjan

Id-delegazzjoni tal-Membri Parlamentari Ewropej, immexxija minn Ana Gomes, il-ġimgħa li għaddiet uriet biċ-ċar għala tassew kienet ġiet Malta bl-iskuża li tistħarreġ fuq il-każ tal-mibkija Daphne Caruana Galizia. Ma tantx kellna għalfejn ikollna konferma ta’ din l-intenzjoni tagħha, għax tant kienu ovvji l-affarijiet, li żgur li t-tfal tas-sekondarja kienu jkunu kapaċi jagħmlu aħjar minnha.

L-intenzjoni kienet waħda, u waħda biss: li tintuża l-pożizzjoni li l-Membri li ġew igawdu fil-Parlament Ewropew biex iħammġu lill-gvern u, b’konsegwenza, lil pajjiżna. Iżda ma’ din l-intenzjoni dehret ukoll biċ-ċar għala kienu ġew hawnhekk. Kienu ġew hawnhekk għax jidher li kienu miftehmin. Ma’ min? Ma’ min aktarx hu politikament għami u mixtri.

Dawn in-nies, li ma jidhirx li jafu jagħmlu distinzjoni bejn partit u gvern u pajjiż, jidher li ftiehmu ma’ sħabhom tal-istess kukkanja tagħhom biex iġegħluhom jagħmlu dak li huma ma jistgħux: jiġifieri li jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom għal skopijiet purament partiġġjani.

Il-populiżmu

Irnexxielhom iħammġuna? Iva, ngħid jien. Xi aġenziji ewlenin tal-aħbarijiet barranin ġabu l-kummenti li għamlu xi wħud mill-membri tad-delegazzjoni b’titli kbar, u l-aħbar niżlitilhom għasel. Dawn, flimkien mal-politiċi mixtrija, qed ikomplu jagħmlu isem ħażin lil pajjiżna mingħajr l-iċken impenn jew interess li jqisu l-affarijiet u jiżnuhom sew.

Posibbli dawn l-aġenziji m’humiex konxji f’liema ħmieġ kapaċi jitmiegħku ċertu politiċi biex jidhru sbieħ ma’ sħabhom u jiksbu ftit attenzjoni? Jien naħseb li, iva, jafu. Imma aħbar sensazzjonali dejjem tbigħ; għalhekk, qabel is-sewwa, jew għall-anqas il-bilanċ, jitkellmu l-flus. Min għal ħaġa u min għal oħra, bħal trabi dawn kollha jwerżqu l-leħen tagħhom biex xi ħadd jagħti kashom.

Dawn in-nies kollha jemmnu fil-populiżmu; u l-populiżmu llum għandu qawwa li ħadd m’għandu ma jagħtix kasu. Għalkemm hu superfiċjali u, fil-biċċa l-kbira tal-każi, maħdum artifiċjalment, xorta waħda kapaċi jagħmel il-ħsara daqskemm kapaċi jagħmel il-ġid. Wieħed ma jistax jinjorah.

Is-sewwa u d-dritt

Hu fuq dan li qed joqogħdu xi wħud mill-politiċi tagħna tas-sold u nofs biex jiftiehmu ma’ sħabhom Membri Parlamentari barranin tal-qatgħa tagħhom biex iħammġu u jżebbilħu lil pajjiżna. Jgħajtu ‘Saltna tal-Liġi!’ meta jridu jgħidu biss ‘Populiżmu!’ Qalbhom taparsi taħraqhom għas-sewwa u l-ġustizzja, meta fil-fatt, fir-realtà, kulma jridu u jaħdmu għalih huwa l-vantaġġ politiku rħis.

Ir-retorika u l-paroli fil-vojt hija l-arma tagħhom. Kif ukoll, il-ftehimijiet minn taħt—jew mingħalihom minn taħt—biex jidhru galantomi fuq dahar is-sewwa u d-dritt. Moħħhom qiegħed f’buthom; u r-raġuni l-baħar.

Daqskemm nixtieq ir-rebħa tas-sewwa u d-dritt, jien u kulmin għandu għajnejh f’wiċċu m’għandniex inġerrħu nies bħal dawn; wisq anqas nagħtuhom l-iċken widen. Huma mistħija għal kull qalb li tħobb, aktar minn pajjiżha u l-gvern tiegħu u l-partit tagħha, tħobb id-deċenza u l-irġulija.

Dit-taparsi delegazzjoni ta’ stħarriġ m’għamlet xejn għajr li wriet sa fejn kapaċi jaslu n-nies li jidhru mixtrija; li lsienhom aktarx jikkmandhom; li l-vanità tagħhom qisha bla limiti. Kemm huma ċwielaq biex jaħsbu li kulħadd mazzun bħalhom!

Agħfas fuq ix-xbieha t'hawn taħt għal aktar tagħrif. Grazzi.
http://www.bdlbooks.com/biographies-and-memoires/6320-jien-manwel-dimech-l-istorja-ta-hajti.html
 

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?