Ir-rigali ta’ identità

Din aktarx hi l-ġimgħa ta’ ferneżija għax-xiri tar-rigali tal-Milied, rigali li donnu għal xi wħud qed isiru dejjem aktar sofistikati, għaljin u personalizzati. Ir-rigal bħala sempliċiment simbolu, ir-rigal bħala sinjal, donnu qed jintilef. Minflok, qed jieħu postu r-rigal bħala estenżjoni konsumista, ir-rigal bħala aljenazzjoni.

Rigali patoloġiċi

Ir-rigali tal-Milied suppost ifakkruna fir-Rigal uniku ta’ Ġesù s-Salvatur. Illum ftit huma dawk li jafu b’din il-ħaġa, jew li saħansitra jinpurtahom minnha. Hu x’inhu, ir-rigali f’dan iż-żmien tal-Milied xorta waħda baqgħu xi ftit jew wisq espressjoni tal-għożża li għandna għal xulxin. Madankollu, ukoll dan inbidel.

Ir-rigali tal-Milied illum saru parti minn patoloġija sħiħa. Il-patoloġija tas-suq, tal-konsum, tal-identità tagħna imposta mill-filosofija neoliberali tal-kapitaliżmu. Din il-filosofija imponiet aħna min għandna nkunu u kif għandna ngħixu ħajjitna. Ħafna minnu dan aċċettawh mingħajr diskussjoni. Is-Suq sar Alla, u l-ispiritwalità tiegħu, għax imposta, ħolqot patoloġija fil-biċċa l-kbira minna.

Ħaġa ssir patoloġika meta l-ħtieġa tagħha ma tkunx tista’ tiġi evitata; issir ħaġa ta’ bilfors; ħaġa li toħloq kompulsjoni. Illum, l-akbar kompulsjoni li għandna hija li nikkonformaw mal-ideoloġija taż-żmien, mal-filosofija tas-suq u l-konsom, mal-identità li l-kapitaliżmu ddeċieda li għandna jkollna, kemm b’mod kollettiv u kemm b’mod individwali.

Is-simboliżmu tar-rigali

Dan għandu mnejn jidher diffiċli għal xi wħud. Imma jekk naħsbu ftit fir-rigali li, għal dan iż-żmien tal-Milied, qed naħsbu li nagħtu lit-tfal jew ukoll liż-żgħażagħ tagħna, malajr nintebħu kemm dan il-mod ġdid ta’ kif għandna nesprimu rwieħna bir-rigali hu minnu.

Infatti, illum lanqas jaqgħalek f’rasek li tagħti rigal ċkejken, simboliku, aktarx irħis lil xi wieħed miż-żgħar tagħna; aħseb u ara xi ħaġa reliġjuża! Donnu r-rigal, jekk ma jkunx għali, sofistikat, aktar eletroniku u utli, donnu lanqas biss jiġi apprezzat. Huwiex minnu li l-biċċa l-kbira tagħna nipprovaw inlaqqgħu l-għoti ta’ xi rigal mal-ħtiġijiet li jkollu dak li jkun se jirċevieh.

Insejna għal kollox li r-rigal hu simbolu, simbolu tal-imħabba tagħna, tal-għożża li għandna għal ħaddieħor, tal-ġid li nixtiequlhom. Le, illum ir-rigal hu rigal. Hu għotja TA’ XI ĦAĠA. Hu biċċa oħra mill-ambjent ta’ konsum. Hu espressjoni oħra tas-suq. Hu sinjal ieħor tal-identifikazzjoni li sirna għandna mal-impożizzjonijiet li l-kapitaliżmu jagħmel fuqna.

Rigali ta’ mibegħda

Mhux biss spiċċa ż-żmien meta r-rigal hu sinjal tal-imħabba, imma nażżarda ngħid li sar sinjal tal-mibegħda li, irridu jew ma rridux, għandna għall-bniedem ħieles li jaħseb b’rasu. Bil-kontra, ir-rigal sar sinjal tal-aċċettazzjoni tagħna tal-bniedem li jaħseb GĦAL rasu. Hu sinjal ta’ mibegħda, għax min iħobb lill-bniedem, ma jridux skjav ta’ ħadd; ma jridux pupazz f’idejn ħaddieħor, kemm jekk ikun is-suq kapitalista u kemm jekk ħaddieħor.

Iżda meta aħna f’dan iż-żmien tal-Milied nagħtu rigali li jpaxxu s-suq, u jpaxxu wkoll lil bnedmin maqbudin u kkalzrati mis-suq, ma nkunu qed nuru ebda mħabba lejhom; inkunu biss qed nuruhom―b’mod indirett, m’għandnix dubju―li rriduhom jibqgħu maqbudin u kkalzrati. Mhux mibegħda din?

Ir-rigali tal-Milied m’għandhomx ikunu hekk. Għandhom ikunu espressjoni ta’ kemm irridu ġid lil min ngħożżu. Aktar ma r-rigali jkunu sempliċi, bla siwi monetarju u simboliċi―u għandu mnejn ukoll, għal min iħoss, reliġjużi wkoll―aktar aħjar; aktar inkunu qed nesprimu dik l-imħabba li rridu nikkomunikaw lil ħaddieħor, kif ukoll l-għożża li għandna magħhom.

Fiż-żmien tal-Milied, kull rigal għandu juri li hu biss dell imperfett tar-Rigal il-kbir u perfett li ngħatajna lkoll.

Agħfas fuq ix-xbieha t'hawn taħt għal aktar tagħrif. Grazzi.
http://www.bdlbooks.com/maltese-history/6101-min-qatel-il-patri.html
 

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?