Ix-xmara li ssir baħar

F’dawn il-jiem tal-Milied ftakart fi storja li tissemma fl-Iskrittura. Hija l-istorja ta’ xmara li tibda b’nixxiegħa, imbagħad issir wied, u wara tikber f’baħar. Hija xmara nadifa, safja u ħajja li trodd il-barka ma’ kulfejn tmiss. Din hija xmara li tifdi, u li hija bla tarf u bla tmiem. Ftakar fiha għax hija x-xbieha tal-aqwa, l-oħla, l-egħref u l-isbaħ bniedem li qatt eżista; li ismu hu egħżeż minn dak li jista’ jlissen l-ogħla lsien.

Id-dinja mitlufa

F’did-dinja ħafna huma dawk li jiżżattu biex jagħmluha tal-kbar; li saħansitra jilagħbuha ta’ allat. Iridu jisserdqu u jiddandnu fuq l-oħrajn; u sa jixxaħxħu fil-ftit jiem ta’ ħajjithom u jagħmlu l-ħajja ta’ ħaddieħor infern. Huma l-mistħija u l-għajb tal-ġens tagħna; inikktu l-art li jimxu fuqha u jgħajbu s-smewwiet li jħejju fuq rashom.

Il-bniedem li jitwebbel li jaħkem u jikkmanda, u ħafna drabi jistgħana wkoll, mhux bniedem; lanqas m’hu bhima. Hu pesta ... pesta ta’ marda li d-duwa tagħha ilha ħafna li nstabet iżda li tibqa’ wkoll għal dejjem tintesa. Huwa bniedem biss min jgħix fil-ftehim ma’ sħabu u mal-ħlejjaq kollha ħajjin u ma’ kull ħaġ’oħra li teżisti madwaru. Huwa bniedem biss min iżomm lil kull wieħed u waħda minn sħabu daqsu fil-ġieħ u aqwa minnu fl-għotja ta’ ġieħhom.

Kemm hawn nies li m’humiex nies! U li lanqas huma bhejjem! U li lanqas ma jistgħu jingħaddu mas-sbuħija tad-dinja, mal-għerf tagħha jew mal-hena u l-faraġ li għandha l-ħila tagħti! Kemm hawn nies li moħħhom marid, qalbhom imnawra u ruħhom mitlufa!

Min jgħinna, mhux jgħarraqna

Dawn kollha huma bħal gelgul imniġġeż li jsemmem u joqtol ma’ kulfejn jgħaddi. Huma bħal id miġnuna li jżibblu kulfejn tmiss. Huma bħal nifs jaħraq li jnixxef kulfejn jintnefaħ. Huma bħal ħanqa li ttarrax u ddarras lil kulmin jismagħha. Ma’ gelgul maħmuġ bħal dan jien ma rridx ikolli x’naqsam!

Li rrid hu ilma frisk, nadif u ferrieħi. Li rrid huma nies li, għalkemm mgħaffġin u mgħattnin mill-hemm u l-ħbit tal-ħajja, qalbhom għadha kbira biżżejjed biex iħobbu, u ruħhom safja biżżejjed biex ma titkerrahx bid-diżonestà ta’ dnub l-għira u r-rgħiba.

Li rrid hija dinja li ma tigdiblix u ma tħeġġiġnix għall-gideb. Biżżejjed insib madwari, mingħajr ma rrid jew nistieden, ’l min irid iħajjarni għall-ikreh u għall-ħmieġ. Ma rridux! Li rrid hu lil min jerfagħni u jgħollini. Biżżejjed insib lil min iniżżilni u jgħoddosni! Ma nistax inġerrħu!

Hu għalhekk li nifraħ bil-ħsieb ta’ dik ix-xmara li bdiet b’nixxiegħa ċkejkna, imbagħad saret wied kbir, u wara kibret f’baħar bla qies. Hu f’dan il-baħar li rrid dejjem nitgħawwem! Hu bl-isem għażiż qaddiesi tiegħu li rrid ’l qalbi u ’l ħsiebi u ’l ruħi jitnaqqxu! B’xejn aktar.

Il-barka ta’ darna

Dan hu l-lejl li fih in-nixxiegħa feddejja tibda tnixxi. Dan hu l-lejl li jfakkarna fix-xogħol kbir tal-fidwa. Dan hu l-lejl li jistedinni nwarrab ħarsti minn fuq iż-żgħar tal-art u nserraħha fuq iċ-ċkejknin. Dan hu l-lejl li jsejjaħli biex nittarrax għad-dinja u nagħti widen lill-ħlewwa tas-skiet u l-barka tad-dlam. Dan hu l-lejl ...

L-għajjat miġnun u l-kliem żejjed ġejjin minn kullimkien dejquni! Id-daħk giddieb u l-ħbiberiji qarrieqa jħufu madwari qażżuni! Il-qima ta’ drawwa u t-tmexxija mitlufa kollha kburija neffruni! Ma rridx naf b’faraġ mingħandhom! Huma lkoll bħal ġrieden mgħarrqa f’għadira mdennsa. Lanqas intiena m’għandhom. Dehra biss ta’ ħaġa ħajja li hi mejta.

Irrid biss bħal intir f’dak il-baħar kbir li ġej min-nixxiegħa li tibdel f’ġonna d-diżerti u trodd tamiet li m’humiex kiefra, għax ma jigdbux. Irrid biss li nħalli dak il-baħar sabiħ iġorrni ’l fejn irid hu ... għax nafdah; għax naf li ma jgħerriqnix. Fuq kollox, għax naf li hu dari.

Agħfas fuq ix-xbieha t'hawn taħt għal aktar tagħrif. Grazzi.
http://www.bdlbooks.com/biographies-and-memoires/4545-dimech.html
 

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?