Sunday, 31 December 2017

X’nistennew għall-2018?

Kulħadd ikollu l-pjanijiet tiegħu u l-istennijiet tiegħu. Ħadd minna, żgur, ma jistenna li ma jinqala’ xejn minn taħt ir-riħ. Sena ġdida tista’ tkun għall-ħafna oħrajn li għaddew bħalha, iżda tista’ tkun, bla ħsieb ta’ xejn, waħda li toħroġ mill-ixkora xi sorpriża li nibqgħu niftakruha l-bqija ta’ għomorna. Ma jistax ikun mod ieħor. Ilkoll nittamaw, għandi nifhem, li tkun sena li ġġibilna xi ftit jew wisq tar-riżq.

L-ordinarju

Din is-sena, l-2018, kellha tkun sena ta’ elezzjoni; iżda m’hijiex se tkun. Dik id-deċiżjoni ttieħdet ftit xhur ilu u mhux se jkollna bżonn oħra din is-sena ― għall-grazzja t’Alla. Il-gvern nistennewh jibqa’ għaddej bil-ħidma tiegħu, u lkoll ikollna għajnejna fuq l-oppożizzjoni biex naraw jekk, tul is-sena li jmiss, tinġararx xi ftit.

M’għandniex nistennew xi terrimoti kbar fl-ekonomija s-sena li ġejja, la lokalment u lanqas internazzjonalment. Jidher li l-kriżi tal-2009 intrebħet sewwa u m’għandux ikun hemm oħra, għall-anqas mhux fis-sena li se nibdew. L-akbar periklu, għandu mnejn dak tal-Korea ta’ Fuq, nittamaw li b’xi mod jew ieħor jgħaddi b’wiċċ il-ġid.

F’darna wkoll, ma jidhirx li għandna nistennew ċaqliqiet kbar. L-ekonomija tidher li se tibqa’ miexja b’pass sod, għalkemm xi sulluzzu m’għandux jonqos. Is-sena li ġejja għandha tħallina nkomplu r-ritmu li qbadna minkejja li jistgħu jkomplu jikbru l-vulnerabbiltajiet, għalissa taħt kontroll, li nħolqu mis-sistema nnifisha.

L-istraordinarju

L-imprevedibbli ma nistawx ma nistennewhx. Xi theddida ’l hawn għall-ekonomijia, xi gwerra ’l hemm għall-istabbiltà tal-paċi, xi katastrofi qrib wisq, xi kalamità mhux il-bogħod ... dawn dejjem jistgħu jiġru, u aktarx ma tgħaddix sena mingħajr xi ħaġa minnhom. Jista’ jkun li l-2018 ma tkunx differenti.

Barra mill-ordinarju, kulħadd xi ftit jew wisq se jkollu fi ħsiebu d-deċiżjoni li kien ħabbar il-Prim Ministru li jirriżenja xi mkien matul din l-amminsitrazzjoni. Tgħid tkun dis-sena? Ċert li ħafna jittamaw li le; oħra jibżgħu li iva. Hu biss jaf. Aħna nistgħu biss nistennew u naraw.

Inkwiet mhux mistenni se jinqala’; m’għandniex għax naħsbu mod ieħor. Bħal kull sena, dejjem jinqalgħu―u sewwa―dawk il-każijiet ta’ min abbuża jew ta’ min basar li jista’ jabbuża. Nittamaw li f’kull każ jirbaħ is-sewwa u li l-wikkiela jinżammu f’posthom.

Il-gvern jista’ wkoll ikollu fi ħsiebu liġijiet li jqanqlu l-ilsna. Jalla dal-liġjiet ikomplu jkunu kuraġġużi u palata għad-drittijiet politiċi, u jalla l-ilsna jkunu kotrana, ċivili u onesti.

Għalina!

Barra mill-qagħda nazzjonali u internazzjonali, kulħadd, fuq livell individwali, jistenna l-aħjar mis-sena li ġejja: min l-aħjar mill-agħar, u min l-aħjar mill-aqwa. Min jaf kemm żwiġijiet huma ppjanati għall-2018! Min jaf kemm kawżi, ċivili jew kriminali, huma mistennija li saflaħħar jinqatgħu! Min jaf kemm twelidijiet se jiġu!

Min jaf, ukoll―b’riżq ħażin―liema mard se jżur, liema mwiet se jiġġarrbu, liema diżgrazzji se jintelqu tul is-sena d-dieħla! Ħadd ma jrid minn dawn; imma jiġu, ħafna drabi mingħajr stedina. Jalla nilqgħuhom bil-qlubija lkoll kemm aħna! U forsi wkoll bil-fidi.

Kull ħaddiem fuq xogħolu, kull ħsieb bil-qies, kull xewqa bl-għaqal, kull tqanqila bir-rażan ... jalla lkoll kemm aħna jkollna sena li fiha nikbru fl-għerf mill-iżbalji li nagħmlu, ngħożżu bil-qdusija l-ħbiberiji ta’ qalbna, inbierku l-ħajja bil-kobor ta’ qalbna, u niftakru niżżu ħajr dejjem għal dak kollu li naqilgħu.

Is-sena t-tajba lil kulħadd!

Jekk trid din il-pubblikazzjoni li tidher hawn taħt, ikkuntattja lill-awtur u tintbagħtlek b'xejn. Grazzi.


No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever