Pożittività

Il-ftuħ tal-attivitajiet il-ġimgħa li għaddiet marbuta mal-Belt Valletta bħala waħda miż-żewġ Bliet Kulturali tal-Unjoni Ewropea għall-2018, flimkien mal-ftuħ ta’ attivitajiet oħra li qed isiru fl-Olanda, fil-belt ta’ Leeuwarden, f’dawn il-jiem, jibgħat messaġġ qawwi ta’ pożittività li lkoll kemm aħna neħtieġu l-ħin kollu, iżda aktar f’dan iż-żmien f’pajiżna meta l-‘ħabbara tan-negattività’ jridu jtammbru f’widnejna il-qtigħ il-qalb u l-biża’.

Is-sabiħ tal-ħajja

Il-belt ta’ Leeuwarden hija l-kaptiali provinċjali tal-Istati ta’ Friesland, fl-Olanda, u tħaddan aktar minn 108 elf ruħ. It-tema ewlenija magħżula għal dis-sena speċjali għal din il-belt hija “Lepen Mienskip”, li tfisser “sens miftuħ ta’ kommunità”. Flimkien mat-tema ewlenija tal-Belt Valletta, li hija ċ-ċelebrazzjoni tal-wirt kulturali, it-temi ewlenin ifakkruna fis-sabiħ tal-ħajja meta mgħajxa b’pożittività.

Din il-kelma, “pożittività”, tindika attitudni ottimistika li tagħżel li tħares aktar lejn is-sabiħ tal-ħajja milli lejn l-ikrah. Hi attitudni li tħeġġeġ dawk il-valuri li jgħaqqdu flok jifirdu, jinkludu flok jeskludu u jfittxu s-soluzzjonijiet flok inewħu fuq il-problemi. L-ottimiżmu mhuwiex giddieb jew qarrieq meta msejjes fuq ir-realtà. Ħadd m’għandu jiċħad, jinjora jew iwarrab il-problemi; imma dawn qegħdin hemm biex insolvuhom u nimxu ’l quddiem.

Hawn nies li moħħhom biss fin-negattività; dejjem jibku xortihom, iwaqqgħu lilhom infushom u jiffissaw biss fuq l-ikrah. Aktar minn hekk, huma nies li donnhom iridu dejjem iwebblu lil ħaddieħor bin-negattività tagħhom. Dan mhuwiex il-mod kif nagħmlu l-aħjar mill-ħajja delikata u qasira tagħna.

Ftit twissijiet

Fl-imgħoddi, bosta filosfi kienu misħuta b’attitudni negattiva lejn il-ħajja; imma oħrajn, le. Sa mill-qedem, dejjem kien hemm ħassieba kbar u filosfi li għamlu ħilithom biex ma jaqgħux fil-ħofra tan-negattività u, minkejja t-tbatija, l-hemm u l-keded tal-ħajja, fittxew li jaraw is-sabiħ fiha, kif ukoll dak li jtuq ir-ruħ u l-ispirtu uman lejn ixqfa isbaħ.

Dawn il-filosfi u ħassieba tawna seba’ twissijiet ewlenin kif nistgħu nħarsu l-pożittività fina u f’ħaddieħor. Dawn it-twissijiet li ġejjin jgħoddu għalik u għalija bħala individwi, u jgħoddu wkoll għal gruppi ta’ bnedmin, inkluż fuq livell ta’ nazzjon:

1. Iffoka l-enerġija tiegħek — Il-moħħ enerġiku tagħna jeħtieġ il-gwida konxja tagħna. Nistgħu nagħżlu ’l fejn l-enerġija tiegħu jidderiġina. Jekk trid tmur tajjeb, aħseb bħallikieku diġà mort tajjeb. Għix illum dak li tixtieq għall-għada.

2. Żomm rabta miegħek innifsek — Il-fiduċja fina nfusna twassalna biex nirrelataw mad-dinja u mal-oħrajn b’aktar ħeffa. Il-kurżità tiegħek, l-ambizzjonijiet tiegħek u l-kuraġġ tiegħek stħarriġhom dejjem biex tkun taf lilek innifsek sewwa.

3. Oħlom il-ġejjieni — Il-ħolm tal-ħajja juruna fejn u kif irridu nkunu għada pitgħada. Min ma joħlomx ħolm bħal dan, ma jasal qatt imkien. Tasal fejn toħlom. Id-dinja hi dik li tnebbaħ int f’moħħok, f’qalbek u f’ruħek.

4. Imxi bil-mod — Min jgħaġġel, jaqa’. Min iferfex, igerfex. Min ma jaħsibx biżżejjed fuq għemilu, jitfixkel. Min jimxi bil-mod, bil-għaqal u bil-ħsieb jasal il-bogħod.

5. Kun mgħarraf sewwa — It-tagħrif huwa dak li fuqu naħdmu u nħaddmu biex ngħixu. Tiblax kulma tisma’ jew jingħad. Ħafna ġurnaliżmu ma tistax tafdah, u lanqas dak li bosta nies iqiegħdu quddiem għajnejk. Emmen biss meta tkun studjajt l-affarijiet sewwa.

6. Taħqarx lilek innifsek — L-ewwel ħniena li trid turi hija lilek innifsek. Agħraf l-iżbalji tiegħek, imma toqgħodx tmaħmaħ fuqhom; imxi ’l quddiem. Tweħħilx f’ħaddieħor meta hu tort tiegħek; imma wkoll aċċetta l-limitazzjonijiet tiegħek u għix bihom mill-aħjar li tista’.

7. Tintelaqx! — Il-problemi tal-ħajja, jekk tfittex li terbħilhom, isaħħuk, mhux idgħajfuk. Użahom biex tissaħħaħ. Adatta ruħek dejjem għaċ-ċirkustanzi li ssib ma wiċċek, aċċetta dak li int u kun dejjem grat jew grata għall-jum ġdid li sebaħ.

Dawn it-twissijiet mhumiex l-uniċi li nista’ nsemmi; lanqas m’huma assoluti. Tista’ żżid magħhom jew tnaqqas minnhom. Kif inhuma, jistgħu jgħinuk tkun persuna li tiffaċċja l-ħajja b’pożittività li żżommok hieni jew hienja, b’saħħtek u b’qalbek qawwija. Għal dawk li jemmen f’Alla, hemm it-tmien twissija, li hija din:

8. Afda f’Alla — Din tfisser: Afda lil Alla. Ħalli lil Alla jkun Alla. Tagħmilhiex ta’ Alla floku. Taħseb qatt li tista’ tgħallmu jew turih x’għandu jagħmel. Ħalli għal kollox f’idejh: Hu kapaċi biżżejjed!

Il-ħabbara tan-negattività

Fuq livell ta’ nazzjon, il-‘ħabbara tan-negattività’ jgħajtu kemm jifilħu biex jinstemgħu jew jingħataw widen. Dawn jidher ċar li ma jħobbux ’il pajjiżna jew lill-poplu tagħna; iħobbu biss lilhom infushom. Jilagħbuha ta’ ottimisti meta huma biss mimlija qrusa, imrar u pessimiżmu.

Agħar minn hekk, huma nies li ma jistgħux iġerrħu l-fatt li l-pajjiż mhuwiex imexxi biss mill-klassi ta’ min hu geddumu fix-xgħir, ħobżu maħbuż u żejtu fil-kuż. Huma nies li jobogħdu l-ugwaljanza; għax iridu biss lil min jikkmanda u ’l min jiġi kkmandat ... imbasta huma jkunu mal-kmandanti u aħna mal-ikkmandati!

Id-dinja tagħhom—dik li huma mwebblin biha f’moħħhom—hija dinja tal-imgħoddi. Illum u l-ġejjieni mhuwiex tagħhom. Iridu jreġġgħu l-arloġġ lura biex jerġgħu jibdew isaltnu u jisserdqu fuq kulħadd. Pajjiżna għamel sew li ċaħadhom; nittama li jibqa’ jiċħadhom dejjem, huma u ’l kulmin isir bħalhom.

Il-possibbli

Nies pożittivi, u pajjiż pożittiv, għandhom is-sigriet biex ikunu kuntenti u biex jikbru. Jistgħu jħarsu lejn il-ġejjieni b’realiżmu produċenti, kif ukoll, jekk iseħħilhom, b’għaqal u b’għerf. Il-bniedem pożittiv, u pajjiż pożittiv, ma jħarisx lura, ma joqgħodx jibki l-imgħoddi, ma jnawwarx fil-ġrieħi tiegħu, imma jfittex li jissaħħaħ għall-isfidi l-ġodda—u li qatt ma jonqsu—tal-ħajja.

Hemm ħafna x’jista’ jaqtagħlna qalbna, imma mhux fuq dan irridu naħsbu, iżda fuq dak—jista’ jkun ftit u jista’ jkun ħafna—li jagħmlilna l-qalb, isaħħaħna u jeħodna ’l quddiem. Sakemm nibqgħu pożittivi, nibqgħu wkoll kreattivi.

L-impossibbli ma nistgħux nagħmluh—dan hu l-qasam t’Alla—imma l-possibbli iva. U l-possibbli noħolquh aħna stess, bl-attitidnijiet u d-deċiżjonijiet tagħna. Xejn—xejn—m’għandu saħħa biżżejjed biex iwaqqafna ... jekk biss iridu aħna.


Agħfas fuq ix-xbieha t'hawn isfel għal aktar tagħrif. Grazzi.
 
http://www.bdlbooks.com/poetry/5732-pietru-caxaru-u-l-kantilena-tieghu.html

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?