Il-firda meħtieġa

Spiss nisimgħu li għandu jkun hawn l-għaqda fost il-Malta u l-Għawdxin. Spiss nisimgħu min jilmenta li l-poplu Malti u Għawdxi hu mifrud politikament. Dawn in-nies, fosthom ukoll studjużi u oħrajn fis-setgħa, jikkundannaw il-firda mingħajr riservi, u jfaħħru s-siwi u l-ħtieġa tal-għaqda. Imma jien ngħidlek li l-firda hi meħtieġa, u l-ħasra hi m’hawnx aktar minnha.

Bis-setgħa u mingħajrha

Meta ngħid hekk, m’iniex qed nirreferi għall-firda partiġġjana, la fil-politika u lanqas ta’ bejn il-każini tal-banda. Il-firda f’dawn il-każijiet hi balala u infantili; frott l-injoranza u l-immaturità. Firda bħal din hi biss apparenti, għax fil-fatt iż-żewġ naħat huma magħqudin waħda u sew fl-istess attitudni u mentalità tribali fariżajka u fanatika. Mhux din il-firda ngħidlek li hi meħtieġa. Din il-firda, aktar ma tinqered malajr, aktar aħjar.

Il-firda li qed nirreferi għaliha hi dik ideoloġika. Jiġifieri l-firda ta’ bejn in-nies tas-setgħa u n-nies ta’ bla setgħa. Din mhijiex sempliċiment firda politika bejn il-Lemin u x-Xellug. Għax għandek nies fuq iż-żewġ naħat ta’ din il-qasma li huma bis-setgħa. Dik li qed nirreferi għaliha hija l-firda bejn il-ħakma ta’ dawn in-nies kollha bis-setgħa fuq l-oħrajn li m’għandhomx.

Meta ngħid ‘nies bis-setgħa’ nifhem nies li għandhom il-mezzi biex jikkontrollaw il-ħajja tagħhom infushom kif iridu huma; il-ħajja fl-aspetti kollha tagħha: soċjali, kulturali, politiċi u ekonomiċi. Nies ta’ bla setgħa m’għandhomx dan il-kontroll. Anzi, il-biċċa l-kbira tal-kontroll jinsab f’idejn ħaddieħor, li jagħmel bihom dak li jrid hu.

Il-vjolenza b’wiċċ t’anġlu

Għalkemm illum dawn iż-żewġ ġmiegħi ta’ nies nistgħu sa ċertu punt ngħidu li jikkostitwixxu klassijiet soċjali għalihom, m’għadux iż-żmien li nitkellmu fuqhom bħalma konna nitkellmu fuqhom qabel, jiġifieri l-klassi tas-sinjuri u l-fqar. Tabilħaqq, il-biċċa l-kbira ta’ dawk li huma ekonomikament fqar aktarx jagħmlu sehem mill-ġemgħa ta’ nies bla setgħa. Imma mhux dawn biss.

Għax il-qasma llum mhijiex kwistjoni sempliċiment ekonomika; hija kwistjoni ta’ setgħa. Jiġifieri jekk in-nies għandhomx kontroll fuq ħajjithom jew jikkontrollahomx ħaddieħor. Jikkontrollahom mhux neċessarjament bil-forza; jikkontrollahom b’kull mezz—ekonomiku, politiku, kulturali, soċjali—li bih ma jħallilhomx għażla biex jiddeċiedu huma nfushom kif jgħixu ħajjithom jew kif ikunu hienja.

Il-vjolenza fil-ħakma ta’ nies bis-setgħa fuq l-oħrajn ta’ bla setgħa, mhux biss hi vjolenza ħafna aktar fina minn dik fiżika, imma kulma mmorru dejjem issir ifjen. Illum tieħu xejriet psikoloġiċi u manipulattivi li bil-kemm kemm tintebaħ bihom. Hija vjolenza mxajtna b’wiċċ t’anġlu.

Min jippriedka l-għaqda

Dawk li llum jippriedkaw l-għaqda—bħalma qabel kien hemm min jippriedka r-rikonċiljazzjoni—bejn min għandu s-setgħa u min m’għandux fir-realtà kulma jrid hu li dawn tal-aħħar joqogħdu mansweti kemm jista’ jkun, ma jaqilgħux inkwiet, ibaxxu rashom u jagħmlu kif jgħidulhom dawk bis-setgħa.

Din l-għajta għall-għaqda taħbi l-mibegħda li n-nies tas-setgħa għandhom għal dawk li m’għandhomx. Taħbi l-inġustizzja tas-sistema. Taħbi l-vjolenza kontinwa tal-ħakma. In-nies tas-setgħa jridu u jippriedkaw l-għaqda biex jibqgħu jikkmandaw, biex ma jitilfux is-setgħa li għandhom, biex jibqgħu jaħkmu.

Din l-għaqda hi ħażina. Il-firda jeħtieġ li tibqa’ tiġi rikonoxxuta u mikxufa. Din il-firda jeħtieġ li tibqa’ tidher. Din il-firda jeħtieġ li ma titgħattiex taħt il-kliem sabiħ u l-paraventi tal-gideb. Hija firda meħtieġa. Għax turi r-realtà x’inhi tabilħaqq.

Min jippriedka l-għaqda bejn min għandu s-setgħa u min m’għandux irid biss iżomm u jkattar l-inġustizzja; irid biss li jkompli jostor il-vjolenza fina u mgħammda li diġà teżisti.

Min irid il-ġid lin-nies ta’ bla setgħa ma jippriedkax l-għaqda, imma l-firda.

https://markmontebello.blogspot.com.mt/p/blog-page.html

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?