O msejkna Sirja!

Dax-xahar, il-gwerra ċivili fis-Sirja tagħlaq seba’ snin! Bdiet bi protesti paċifiċi madwar l-hekk imsejjaħ “Rebbiegħa Għarbija” tal-2011, imbagħad bdew l-attakki tal-armata tal-gvern, u l-infern kollu nfexx. Skont il-Ġnus Magħquda, s’issa nqatlu madwar nofs miljun ruħ, il-biċċa l-kbira minnhom nies ċivili. Barra minn hekk, madwar ħames miljuni u nofs ħarbu mill-pajjiż bħala refuġjati, fosthom man-nofs miljun Insara Sirjani. Il-ġimgħa li għaddiet kien hemm taparsi waqfa mill-ġlied, imma din ma swiet għal xejn. L-attakki baqgħu sejrin. L-agħar hu dan: li tmiem għal din il-gwerra s’issa ma jidhirx li jista’ jkun hemm.

Pajjiż maqsum

Il-gwerra ċivili fis-Sirja hi waħda mhux bħall-oħrajn li ġieli smajna bihom fl-imgħoddi qarib. Hi gwerra li, meta tqis kollox, tintebaħ li mhi tas-Sirja xejn. L-indħil ta’ diversi pajjiżi fiha, b’appoċċ għal xi naħa jew oħra, wassal biex hemmhekk tiġi miġġielda gwerra għal skopijiet oħra, l-aktar waħda għat-trażżin u l-kontroll tal-Iran. Il-prezz, però, qed iħallsu l-poplu Sirjan.

Bħal kull konflitt armat ieħor, meta bdiet il-gwerra seba’ snin ilu, kulħadd, fosthom l-Unjoni Ewropea u l-Ġnus Magħquda, bastru li l-gwerra ma kellhiex iddum, u li t-tmiem tagħha kien se jkun ta’ malajr — kellu jitneħħa l-gvern u floku l-Punent jimponi wieħed għal qalbu. Dan ma ġarax. Ir-Russja rat li dan ma jiġrix. L-irjus iebsa, għalhekk, ħabtu ma’ xulxin, u l-konflitt, mibdul fi gwerra mdemma ċivili, issa m’hemmx tmiem għalih.

Il-pajjiż ċkejken tas-Sirja, li hu ftit akbar mit-Tunesija, issa hu maqsum mill-anqas f’ħames biċċiet, ilkoll jitqatlu ma’ xulxin. Hemm il-parti taħt il-kontroll tal-gvern Sirjan, dik tal-Forzi Demokratiċi Sirjani, dik tal-oppożizzjoni Sirjana, dik tal-Istat Iżlamiku u dik ta’ Taħrir al-Xam. Ilkoll għandhom armi sofistikati żgħar u kbar. Ilkoll b’xi mod jew ieħor isibu appoġġ minn barra l-pajjiż biex ikomplu jitqatlu.

L-indifferenza għat-tbatija

Hemm min ma jridx li dil-gwerra tieqaf għaliex qed jagħmel qligħ kbir fuqha, speċjalment bil-bejgħ tal-armi ta’ kull għamla u sura, inkluż dawk kemikali. Li b’danakollu qed imutu n-nies ċivili ma jidhirx li jinporta wisq. Dawn, jgħidulek, jinqabdu sfortunatament fin-nofs, u wieħed ma jistax jagħmel mod ieħor għajr li xi kultant jolqothom. Huma żejda għall-gwerra; żejda u fin-nofs. Paċenzja!

Din l-indifferenza kbira għall-ħajja tan-nies għandu mnejn hu l-aktar aspett qalil ta’ din il-gwerra. Hi indifferenza li, biex jinkisbu vantaġġi territorjali u politiċi, tgħodd in-nies bħala dubbien. Bħal meta t-tfal, biex jilagħbu, ikissru l-affarijiet ... għax ma jafux aħjar; ħsiebhom hu biss li jieħdu gost jilagħbu.

Imma l-gwerra ċivili tas-Sirja mhijiex logħba, għall-anqas mhijiex logħba sabiħa; hi logħba bil-ħajja ta’ nies innoċenti u maqbuda bejn in-nar u l-ilma. Il-ġlieda bejn il-kbar ma jgħaddix minn fuq rashom; jgħaddi minn ġo fihom u jolqothom fl-aktar affarijiet għeżież għalihom: ikilhom, darhom, ħajjithom.

Qligħ bil-gwerra

Għal xi wħud, il-qligħ minn din il-“logħba” terribbli jikber dejjem. Tliet logħbiet tal-video ġew maħduma biex dan isir: “Endgame: Syria” (2012), “Syrian Warfare” (2017) u, dan l-aħħar, “Holy Defence” (2018). Inħadmu wkoll erba’ films fuq dil-gwerra: “Ladder to Damascus” (2013), “Sniper: Legacy” (2014), “Phantom” (2015) u “The Father” (2016). Waqt li n-nies imutu, oħrajn qed jobormuhom!

Xi wħud jaraw li, biex tibda tinstab soluzzjoni għal dil-gwerra ċivili, hemm il-ħtieġa tal-waqfien għal ftit mill-ġlied biex il-ġellieda joqogħdu bilqieħda jitkellmu ftit. Ħafna drabi, dal-laqgħat la jservu biex jinstabu soluzzjonijiet, la biex jieqaf għal ftit il-ġlieda u lanqas biex tittaffa daqxejn il-ħajja tal-vittmi ċivili. Iservu bħal djalogu tat-torox — fejn kulħadd iżomm it-trunċiera tiegħu u, bla ma jafda lil ħadd, jistenna ’l-oħrajn jitħarrku. Imma ma jitħarrek ħadd, u kollox jerġa’ jiġi għal li kien.

B’hekk, it-traġedja bla qies tas-Sirja tkompli bi gliegel ta’ demm u b’dinja t’imrar. Dal-pajjiż li darba kien mill-isbaħ, u li kien jissejjaħ il-“Ġnien tal-Lvant Nofsani”, issa hu bħall-wiċċ tal-qamar, imġerraħ, deżolat u mbikkem. Fuq kollox, hu xhieda oħra tal-ħdura tal-bnedmin u, ukoll, tal-qerq tal-gvernijiet u l-ħażen tal-Istati.

Alla jbierek lil dawk li jħobbu l-paċi u qed jaħdmu tassew għall-ġustizzja! Dawn biss jistħoqqilhom it-talb ta’ xi ħadd!

https://www.facebook.com/kappillantamalta/

No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever