Aħna lkoll għalliema

Għal ħafna minna, l-għalliema huma dawk li jgħallmu fl-iskejjel. Dawn huma għalliema, tassew, imma mhux biss. Ilkoll kemm aħna ngħallmu lil xulxin u nitgħallmu minn xulxin. Irridu jew ma rridux, imħarrġa jew le, professjonali jew le, aħna lkoll għalliema.

Nitgħallmu minn xulxin

In-nies jitkellmu man-nies u jagħmluha ma’ xulxin. Dan l-għemil sempliċi jqegħidna f’qagħda li nosservaw lil xulxin, nisimgħu lil xulxin u nirreazzjonaw għal dak li jgħid u jagħmel ħaddieħor. L-istess jagħmlu n-nies magħna: josservawna, jisimgħuna, jirreazzjonaw għal għemielna u kliemna. Dan ma nistgħux naħarbuh. Isir il-ħin kollu: ġewwa d-dar ma’ ħaddieħor u ’l barra minnha.

B’dan l-għemil aħna lkoll niltaqgħu ma’ kull tip ta’ nies ta’ kull età. Bħalma nagħmlu aħna, huma wkoll ikollhom moħħhom jirreġistra dak li qed jagħmel u jgħid ħaddieħor. Ikunu qed jiżnuh, jagħbluh, iqisuh u jixtarruh. L-osservazzjoni twassal għall-ħsieb, u l-ħsieb iwassal għat-tixrid u l-qsim tal-ideat.

Dan hu proċess kontinwu ta’ tagħlim li jiġi mil-laqgħat tagħna ma’ ħaddieħor. Aħna, fil-fatt, ninsabu l-ħin kollu nitgħallmu mingħand ħaddieħor, u ħaddieħor jinsab il-ħin kollu jitgħallem mingħandna. X’nitgħallmu u x’ma nitgħallmux hija ħaġ’oħra. Imma dejjem jibqa’ l-fatt li aħna lkoll għalliema ta’ xulxin, u dan ma nistgħux naħarbuh.

Għalliema bla ċertifikat

Li nistgħu nagħmlu hu li nagħarfu r-responsabbiltà li dal-proċess ta’ tagħlim iqiegħed fuq spallejna, speċjalment meta nagħmluha ma’ min hu iżgħar minna. Dawn ukoll qed josservawna, jisimgħuna u jitgħallmu mingħandna. U dak li jitgħallmu mingħandna huwa kemm it-tajjeb ta’ dak li ngħidu u nagħmlu, u kemm il-ħażin.

Min jinsa li hu l-ħin kollu għalliem, jinsa wkoll ir-responsabbiltà li għandu fil-formazzjoni u l-iżvilupp ta’ ħaddieħor. Jinsa li b’għemilu u bi kliemu qed jgħaddi valuri li ħaddieħor jista’ jitħajjar jagħmilhom tiegħu u jgħix bihom. Maż-żgħar u ż-żgħażagħ din ir-responsabbiltà tagħna tista’ tkun determinanti, speċjalment jekk iqisuna bħala nies, kemm jekk qraba kif ukoll jekk ħbieb, li għandhom javdawhom.

Lilna ħadd ma jagħtina l-permess jew xi ċertifikat biex ngħallmu lil ħadd, iżda lanqas ħadd ma jista’ jżommna milli ngħallmu lil ħaddieħor, jekk mhux f’xi skola, fil-ħajja ta’ kuljum. Il-ġenituri, in-nanniet, iz-zijiet, il-qraba, il-ġirien, il-ħbieb ... dawn kollha jgħallmu l-ħin kollu, jekk mhux liż-żgħar, lill-kbar li jagħmluha magħhom u jitkellmu magħhom.

L-iskola tal-ħajja

It-tagħlim huwa meħtieġ f’kull soċjetà. Hu wkoll sabiħ. Iżda hu wkoll delikat. Għax hawn min, għax ma jafx li hu għalliem permanenti, jitkellem u jaġixxi bl-addoċċ mingħajr l-iċken ħsieb li qed jgħallem. Din hi irresponsabbiltà kbira li tista’ tagħmel ħafna ħsara daqskemm tista’ tagħmel ħafna ġid. Għax ħadd minna ma jista’ jwaqqaf lil ħaddieħor milli jitgħallem mingħandna.

Il-ġid li jiġi mit-tagħlim tagħna jintwera fil-valuri li ngħixu u nistqarru. Dawn jistgħu jkunu valuri li jgħinu ’l-persuni jikbru daqskemm oħrajn li jiswew biex iċekknuhom u jbaxxuhom. Jidhirli li lkoll kemm aħna għandna nferrxu l-valuri t-tajba u mhux il-ħżiena, jiġifieri dawk il-valuri li jkabbru n-nies fid-dinjità u r-rispett tagħhom infushom.

L-iskola tal-ħajja, li fiha aħna lkoll għalliema mingħajr ċertifikat, hija importanti daqs kull skola oħra li fiha jgħallmu għalliema professjonali biċ-ċertifikat. Għandha mnejn xi kultant tkun saħansitra aktar importanti minnhom.

Għalhekk, għaraf sewwa din il-ħila tiegħek ta’ għalliem jew għalliema ta’ ħaddieħor. Kun kburi jew kburija biha. U għexha bl-għaqal u l-bżulija. Kun dejjem għalliem jew għalliema li ħaddieħor jista’ joqgħod fuqek, jisma’ minnek u jimitak.

https://www.bdlbooks.com/novels-and-romance-fiction/6706-il-kappillan-ta-malta.html

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?