Il-politika taċ-ċelebrazzjoni

F’Sidney, l-Awstralja, issir kull sena ċelebrazzjoni immensa msejħa “Mardi Gras” (taqraha mar-di gra). Din taħbat kull tieni Sibt ta’ Marzu. Huwa l-appuntament annwali tal-gay, il-lesbjani, it-travestiti, it-transesswali u l-bqija. Id-differenza kbira bejn din l-attività u oħrajn simili tagħha li jsiru f’Sidney stess u f’inħawi oħra tad-dinja hija li, filwaqt li dawn huma ċelebrazzjoni politika, din tista’ tissejjaħ il-politika taċ-ċelebrazzjoni.

Demostrazzjonijiet apolitiċi

X’differenza hemm bejn it-tnejn? Fil-waqt li ċ-ċelebrazzjoni politika tiġbor attivitajiet li jagħmlu preżenza, punt u/jew protesta politika, il-politika taċ-ċelebrazzjoni tiġbor attivitajiet li huma maħsuba biss biex min jieħu sehem fihom―f’dan il-każ, gay, lesbani u l-qbija―jieħdu gost, jiffesteġġjaw, jagħmlu frattarija, joħolqu karnivalata …

Ovvjament, diċ-ċelebrazzjoni pjaċevoli jkollha lat politiku, bla dubju. Imma l-iskop ewlieni tagħha ma jkunx politiku; anzi, ikun apolitiku, kontra l-korrettezza politika, lil hinn minn dak li jkun politikament aċċettabbli. L-iskop ewlieni jkun iċ-ċelebrazzjoni tal-identità proprja skont kif jiddefiniha, u biss, dak li jieħu sehem fil-festeġġjament.

Dan ftit imdorrijin bih f’pajjiżna, għax il-bosta demostrazzjonijiet li jsiru―forsi xi ftit bl-eċċezzjoni tal-karnival tan-Nadur―isiru bi skop politiku, mhux għas-sempliċi pjaċir taċ-ċelebrazzjoni, bl-eċċessi u l-impropizzji kollha li dan jimplika. Dan jinkludi d-demostrazzjonijiet tal-gay.

Narrattivi postveritiera

Il-‘Mardi Gras’ tal-gays ta’ Sidney hu eżempju magħruf ta’ dan. Iċ-ċelebrazzjoni ilha ssir 40 sena. Illum iġġib flimkien aktar minn 15,000 ruħ, hi waħda mill-akbar attivitajiet annwali fl-Awstralja kollha, u tiġġenera mat-30 miljun dollaru fis-sena.

Fuq l-ewwel darba li ġie ċċelebrat dan il-festival―fl-24 ta’ Ġunju tal-1978―wieħed mill-kotba li għadu kemm ħareġ hu tal-avukat Malti, Joseph Carmel Chetcuti, li jgħix l-Awstralja. Il-ktieb jismu Sydney’s First Gay Mardi Gras: What brought it on and how it changed us (L-ewwel Mardi Gras tal-gay f’Sidney: Kif beda u kif biddilna).

Il-ktieb hu wieħed riċerkat bis-sħiħ minn dokumenti uffiċjali, gazzetti ta’ dak iż-żmien, xbihat awdoviżivi, u ħafna intervisti ma’ nies li kienu nvoluti direttament. Minkejja li jinkludi l-esperjenzi tiegħu nnifsu, minħabba li kien ħa sehem f’dik l-attività erbgħin sena ilu, Chetcuti jżomm imparzjalità skrupluża filwaqt li jiddiskuti l-istħarriġ tiegħu skont ir-regoli aċċettati tal-istorjografija.

Waħda mill-miri ewlenin tal-ktieb hija li, kif jikteb Chetcuti stess, “jikkonfronta t-theddida tal-promozzjoni ta’ storja maħduma, postveritiera u, xi minn daqqiet, li taqdi lil min jiktibha.” B’hekk jidħol fil-polemika tan-narrattivi differenti li jinterpretaw l-ewwel Mardi Gras tal-gay u l-lesbjani f’Sidney; bejn dawk li jsostnu li kienet protesta jew attività politika, u l-bqija li jisħqu li ma kienet hekk xejn, iżda sempliċiment festa, ‘street party’, mument ta’ gost madwar xi tip ta’ identità komuni.

Aktar minn storja

Il-ktieb fih seba’ kapitli, daħla ġenerali u daħla metodoloġika, u għaxar żidiet. Chetcuti jistħarreġ l-ambjent tal-gay u l-lesbjani fis-sebgħinijiet tas-seklu l-ieħor, kif beda l-ewwel Mardi Gras, x’ġara fil-lejl tal-24 ta’ Ġunju tal-1978 bejn Taylor Square u Hyde Park f’Sidney, l-attakki tal-pulizija fl-ewwel sigħat tal-għada, l-arresti li saru, l-impatt tal-attività fuq il-ħajja tal-gays u l-lesbjani Awstraljani, u r-rikonoxximent tal-attività fis-snin ta’ wara.

Chetcuti jagħraf l-importanza li n-narrativi tal-istorja ma jiġux ikkapparrati minn storiċi li jridu jgħawġu l-fatti billi jinterpretawhom skont ma jaqbel l-aġendi li ġew wara. L-istorja ma teżistix jekk mhux fl-interpretazzjonijiet tagħha; aħna noħolquha waqt li nirrakkontawha. Madanakollu, il-fatti jridu jitħallew jitkellmu għalihom infushom kemm jista’ jkun. Għalhekk, aktar ma l-istoriku jinkludi fatturi u dimensjonijiet fin-narrattiva tiegħu, aktar jista’ jagħmel ġudizzju imparzjali mingħajr ma jagħmel ġudizzji ‘politiċi’ li jaqblu lilu.

Chetcuti seta’ jagħmel dan b’mod aktar perspikaċi għax kien preżenti għall-ewwel Mardi Gras tal-gays u l-lesbjani f’Sydney personalment. Minkejja dan, il-ktieb tiegħu m’għandux siwi storiku f’rabta biss ma’ dil-attività. Hu wkoll ritratt antropoloġiku u soċjali tal-gays u l-lesbjani Awstraljani fis-sebgħinijiet. Joħroġ ċar x’triq twila mxew minn dak iż-żmien sal-lum.

Il-ktieb jinxtara minn hawnhekk.



https://www.bdlbooks.com/novels-and-romance-fiction/6706-il-kappillan-ta-malta.html

No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever