Sunday, 6 May 2018

Marx ta’ mitejn

Il-bieraħ, 5 ta’ Ġunju, 2018, il-kbir filosfu u teoriku ekonomiku u soċjali, Karl Marx, għalaq 200 sena mit-twelid tiegħu fl-1818. L-akbar sfortuna taċ-ċivilizzazzjoni tagħna f’dawn l-aħħar seklu u nofs kienet li xi wħud semgħu minnu żżejjed u li oħrajn ma semgħux minnu biżżejjed. Xi wħud għamluh alla, oħrajn dimonju, mingħajr ma kien la l-wieħed u lanqas l-ieħor. Illum, imsoffi mill-forġa tat-tiġrib, fi żmien meta l-oppressjoni kapitalista ħolqot dwiefer ġodda ta’ sfruttament, qed jerġa’ jingħata widen b’qalb ġdida u b’moħħ imġedded.

Ħsieb u ħolm

Marx twieled fis-saltna tal-Prussja, il-Ġermanja l-antika, f’raħal jismu Trier, u miet f’Londra, l-Ingilterra, erbgħa u sittin sena wara, fl-14 ta’ Marzu tal-1883. Bejn dawn iż-żewġ dati, għadda l-biċċa l-kbira ta’ ħajtu f’Pariġi, Brussell, il-Kolonja u Londra, maħrub mill-persekuzzjoni tal-gvernijiet minħabba l-kitbiet politiċi tiegħu. F’dil-ħajja, wieħed mill-akbar imsieħba mill-qrib tiegħu u ħabib tal-qalb kien il-filosfu u l-kummerċjant Prussjan Frederich Engels.

Għalkemm Marx u martu, Jenny von Westphalen, kellhom b’kollox sebat itfal, tlett ibniet biss għexulhom biex kibru f’adulti. Dan-nisa, flimkien ma’ dawk ta’ Engels, ilkoll taw sehem xi ftit jew wisq siewi fil-ħidma u l-ħsieb politiku ta’ Marx, minkejja l-faqar li l-familja kienet imgħattba minnu minn żmien għal żmien.

Il-ħidma politika ta’ Marx kienet prattika daqskemm intellettwali. Tħasseb fuq il-mekkaniżmi ekonomiċi mistura li jgħassru u jgħakksu l-ħaddiema u l-familji tagħhom, u ħolom bl-għaqda tal-ħaddiema kollha tad-dinja f’solidarjetà waħda ta’ ħelsien u ġustizzja.

Mhux domma

Marx stħarreġ bis-sħiħ l-għeruq tal-fasla ekonomika li fniet il-fqar maħluqa mill-ħakma kapitalista, u għarrex mogħdijiet li setgħu jwasslu lil dal-fqar biex jagħarfu lilhom infushom bħala ġemgħa waħda u jibnu dinja aktar ġusta u ħielsa. Dan baqa’ jagħmlu sal-aħħar nifs ta’ ħajtu; isaffi kulma twebbel bih, u jraqqam u jfannad kulma basar qabel.

Minkejja dan, il-qarrejja tiegħu bosta drabi għamlu domma minn kitbietu, taw bixra infallibbi lil ħsiebu u sawru bħal reliġjon ġdida minn tnebbiħu. L-aktar magħrufa ta’ dawn, fost ħafna u ħafna oħrajn, kienu r-Russu Vladimir Lenin u ċ-Ċiniż Mao Zedong. F’isem Marx, dawn u qatta oħrajn aktarx ħolqu hemm u saram aktar milli twebblu li jtemmu.

Dan ta isem mill-agħar lil Marx. Mhux għax ma kienx jistħoqqlu isem ħażin ma’ min, minħabba fih u oħrajn, ra l-privileġġi u l-glorji tiegħu mhedda u mtemma—dan kien ġieħ għalih—imma aktar minħabba li ismu ġie marbut ma’ waħxijiet u kruhat li hu qatt ma ried u ħadem bla serħan biex jeqred.

Leħen jgħajjat

Sa ċertu punt, kien Marx innifsu li ġab dan it-tiġrib fuqu. Tiegħu jibqa’ l-ġieħ li għarrex u kixef b’ħila u sengħa kbira l-għelt ta’ ekonomiji qarrieqa u qerrieda, u l-istħarriġ tiegħu għadu jgħodd sal-lum. Madanakollu, t-twemmin qawwi tiegħu fil-ħtieġa ta’ ħakma iebsa transitorja sakemm titwieled soċjetà ta’ bla klassi, fetħet triqat perikolużi għal aljenazzjonijiet u sfruttamenti koroh.

Billi ma semax mit-twissijiet ta’ nies bħal Mikhail Bakunin, u magħfus mill-ħtiġijiet urġenti ta’ bidliet konkreti, Marx spiċċa biex ta r-riħ lil min, fit-triq għall-ħelsien tal-mases, għażel li juża magħhom l-għodod tal-jasar u saħansitra tal-moħqrija. Dan ġab traġedji storiċi ta’ proporzjonijiet epiċi.

Dil-ħtija ta’ Marx ma tnaqqasx mis-siwi tal-ħafna dehen ieħor li kellu u li wera bi ħsiebu u f’kitbietu. Huwa dehen li hu meħtieġ illum, mgħakksin kif aħna minn ekonomiji ta’ aljenazzjonijiet imġedda u ta’ jasar moħbi. Marx għadu jgħajjat “ġustizzja!”, “helsien!”, “dinjità!”, u l-leħen tiegħu ma jistax jissikket.


https://www.bdlbooks.com/novels-and-romance-fiction/6706-il-kappillan-ta-malta.html

No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever