Kjarifika

Jekk, fl-artikli li jien xandart lokalment f’April li għadda f’din il-gazzetta u f’oħra bl-Ingliż fuq l-istrateġija tal-Knisja Kattolika fil-Gżejjer Maltin fir-rigward tal-emendi proposti mill-gvern għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun, kien hemm xi ħadd li fehem li jien ħadtha kontra l-istituzzjoni tal-Knisja Kattolika, l-awtoritajiet leġittimi tagħha u/jew xi duttrina tagħha, ħalli jkun mgħarraf hawnhekk, l-ewwel, li jien ma kelli assolutament ebda intenzjoni li nagħmel dan; it-tieni, li, jekk hekk inftehemt min-naħa tiegħi, nitlob skuża; u t-tielet, li, jekk b’dan in-nuqqas ta’ ftehim weġġajt lil xi ħadd, nitolbu jaħfirli.

Din il-kjarifika qed nagħmilha bi ftehim mas-Superjur lokali tiegħi, P. Frans Micallef, wara l-laqgħa li kelli miegħu fil-kunvent tad-Dumnikani tar-Rabat, l-Erbgħa, 25 ta’ Lulju tal-2018, fil-preżenza tax-xhud P. Prof. Joseph Agius. F’din il-laqgħa, l-apoloġija tqiegħdet bħala kundizzjoni, li jien aċċettajt, għat-tneħħija tal-impożizzjoni tas-silenzju, magħmula fuqi fit-8 ta’ Mejju tal-2018 għal żmien tliet snin.

L-artikli msemmija hawn fuq kienu dawk li dehru f'The Times of Malta tal-25 t’April tal-2018 bit-titlu ‘What strategy is there?’ u f’It-Torċa tad-29 t’April tal-2018 bit-titlu ‘Erġajna koppi!’.

Fil-verżjoni bil-Malti ta’ dawn l-artikli, jien ktibt li, bl-istrateġija li kienet qed tuża fl-oppożizzjoni tagħha għall-emendi proposti, il-Knisja Kattolika fil-Gżejjer Maltin kienet qed tidher bħala waħda “reazzjonarja, [...] skjerata kontra ż-żgħir [u] magħluqa fil-bużżieqa ta’ moħħha”. Ktibt ukoll li, fl-istess okkażjoni, il-Knisja kienet qed tidher “bħala waħda retrograda, irrazzjonali, intolleranti, instransiġenti u insensittiva”.

Minn dawn is-siltiet, hawnhekk għandi nisħaq fuq il-kliem “kienet qed tidher”. Dal-kliem ma jgħidx li l-Knisja Kattolika f’dawn il-gżejjer hekk kienet, bħalma fissirt fl-artikli, imma li qed tidher hekk. Il-kliem, anzi, jgħid il-kontra ta’ dak illi donnu fehmu xi wħud; jgħid li l-Knisja mhijiex hekk. U jien dan nemmnu.

Hu preċiżament għal din ir-raġuni li jien nisħaq li l-Knisja, kif ukoll in-nies kollha li jagħtuha mqar l-iċken siwi f’dawn il-gżejjer, għandhom jagħmlu minn kollox biex il-Knisja tidher bħala dik li hi tabilħaqq, u ma jagħmlu xejn li jagħti impressjonijiet kuntrarji. Għax, ovvjament, dawn tal-aħħar la jagħmlu ġid lilha u lanqas, nemmen jien, lis-soċjetà Maltija.

Jiena s’issa għadni nemmen li l-Knisja Kattolika għandha potenzjalità kbira ħafna, akbar minn kull istituzzjoni oħra, biex tagħmel ħafna ġid fil-Gżejjer Maltin u li tista’ tagħti sehem qawwi pożittiv soċjalment u politikament daqskemm pastoralment. Iżda mhux meta tkun u tidher bħala dik li hi mhijiex; imma biss meta tkun u tidher bħala dik li hi tabilħaqq skont it-tagħlim ta’ Ġesù, u tiegħu biss.

Biex nagħlaq, nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lil dawk kollha li tawni l-appoġġ personali u spiritwali tagħhom f’din l-istorja, kif ukoll lil dawk kollha li taw sehemhom biex iġibu l-istorja għat-tmiem tagħha, fosthom l-Arċisqof, Mons. Charles Scicluna, il-Vigarju tiegħu, Mons. Joe Galea Curmi, il-Superjur tiegħi f’Ruma, P. Bruno Cardoré, u nies oħrajn li ma nistax insemmihom iżda li jafu li jinsabu f’qalbi. Ħajr ukoll lis-Surperju lokali tiegħi, P. Frans Micallef, għall-komprensjoni tiegħu fil-ftehim li lħaqna llum

L-Erbgħa, 25 ta’ Lulju tal-2018
P. MARK MONTEBELLO O.P.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?