Il-ħtieġa tal-oppożizzjoni

Meta pajjiż jispiċċa bi gvern li m’għandux oppożizzjoni ma jistax ikun li jitqies f’qagħda politikament tajba. L-oppożizzjoni hija parti importanti u essenzjali tal-proċess demokratiku. Bħalissa, fi żmien rari tal-ħajja politika tal-pajjiż (għalkemm mhux għall-ewwel darba u wisq probabbli lanqas għall-aħħar), din hi s-sitwazzjoni li għaddejjin minnha. Il-gvern jinsab mingħar oppożizzjoni; jekk din ma jistgħux jipprovduha n-Nazzjonalisti, għandu jipprovdiha l-Partit Laburista.

Proċess mdgħajef

Meta partit politiku jitla’ fil-gvern, ħafna drabi jiġri li dak il-partit jitbattal minn ħafna nies siewja li kienu parti mill-amministrazzjoni tiegħu sabiex jidħlu fl-amministrazzjoni tal-gvern, u l-partit innifsu jiżżarma mill-apparat kritiku tiegħu. Dan ġara liż-żewġ partit politiċi ewlenin kemm-il darba, u xi ftit Jew wisq ġara wkoll lill-Partit Laburista mill-2013 ’l hawn.

Għalkemm dan il-proċess qatt ma jagħmel ġid lill-partiti, xi minn daqqiet jilħaq proporzjonijiet dannużi partikularment serji. Il-mument kurrenti huwa wieħed minnhom. Hija sfortuna li qed naraw il-Partit Nazzjonalista jinqasam fi tnejn b’riżultat li l-qawwa tal-oppożizzjoni tiegħu, partikularment meħtieġa għall-proċess demokratiku, hija mdgħajfa.

Is-sehem tal-oppożizzjoni uffiċjali politika m’għandhiex x’taqsam biss mal-parlament, għalkemm hawnhekk aktarx huwa l-aktar li tidher, imma wkoll ma’ oqsma oħrajn, mhux anqas meħtieġa u importanti, tal-amminsitrazzjoni governattiva. Għaldaqstant, id-dgħufija tal-oppożizzjoni turi ruħha fuq bosta livelli sensittivi.

Mekkaniżmu difettuż

Il-gvern jeħtieġ oppożizzjoni b’saħħitha, kemm fil-parlament, imma wkoll, jekk mhux aktar, fid-diversi oqsma tal-mekkaniżmu governattiv li fihom l-oppożizzjoni hija rappreżentata statutorjament. Oppożizzjoni b’saħħitha tfisser hawnhekk li jkun ċar min qed imexxiha, huwiex il-kap uffiċjali tagħha jew, minħabba l-qasma, xi ħadd ieħor b’mod informali.

Bħalissa dan ma huwa ċar xejn. B’żewġ kapi tal-oppożizzjoni, wieħed uffiċjali u l-ieħor informali, il-qagħda tidher konfuża, partikularment meta ż-żewġ gruppi rispettivi ta’ dawn il-kapi ma jaqblux bejniethom, kif ħafna drabi jidher li qed jiġri, fuq linji ta’ politika li jistgħu jaffettwaw lill-pajjiż, illum jew ’il quddiem, kemm jekk dawn jiġu għall-attenzjoni tal-poplu kif ukoll jekk ma jiġux.

Gvern li ma jafx fejn qiegħed fuq il-pożizzjonijiet tal-oppożizzjoni parlamentari jista’ jasal―u bir-raġun―li, biex imexxi mingħajr konfużjoni żejda, jinjorahom kollha. Dan ifisser li biċċa importanti u essenzjali tal-mekkaniżmu demokratiku jkun difettuż serjament, u, għaldaqstant, tbati d-demokrazija nnifisha.

Rwol meħtieġ

Il-Partit Laburista għandu jimla’ dan il-vojt. Għalkemm normalment partit politiku fil-gvern ma jkunx meħtieġ minnu dan ir-rwol, anki jekk hu dejjem mixtieq, issa ċ-ċirkustanzi qed jitolbu li jittieħdu miżuri straordinarji; qed jitolbu li l-Partit Laburista joffri lill-gvern tiegħu stess il-kritika analitika li ma jistax jagħti l-Partit Nazzjonalista fl-oppożizzjoni.

Aktarx tista’ tidher stramba li partit politiku jagħmilha ta’ oppożizzjoni għall-gvern tiegħu stess, imma dak li ma jsirx b’mod uffiċjali m’għandux irażżan li jsir b’mod informali. It-teknika mhijiex li l-partit jimla’ l-post tal-oppożizzjoni f’pożizzjonijiet uffiċjali, għax dan ma jistax kostituzzjonalment jagħmlu, imma għall-anqas li joffri lill-gvern il-benefiċju tad-dubju.

Il-gvern m’għandux jifraħ (bħalma aktarx mhuwiex) li m’għandux oppożizzjoni jew li għandu oppożizzjoni dgħajfa wisq. Fl-aħħar mill-aħħar, ħaġa bħal din dannu tiswielu fit-tul taż-żmien. F’demokrazija l-gvern għandu dejjem il-ħtieġa ta’ min jiqaflu. L-inizzjattiva li l-partit tiegħu stess jipprovdi dan ir-rwol trid tiġi mingħandu u mit-twemmin tiegħu li oppożizzjoni qawwija hi meħtieġa fil-proċess demokratiku li jħaddem.

Il-ħtieġa tal-oppożizzjoni qed tinħass aktar ma l-kriżi fil-Partit Nazzjonalista titwal. Ovvjament, l-aqwa soluzzjoni tkun li dal-partit isolvi l-qasma li għandu bħalissa mill-aktar fis. Imma dan ma jistax jagħmlu l-gvern. Wisq anqas il-partit politiku tiegħu.

https://bdlbooks.com/product/il-kappillan-ta-malta/

Comments

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?