L-ugwaljanza

Il-kelma ‘ugwaljanza’ hija waħda tqila maħluqa, fost ħafna oħrajn, mill-borgeżi, aktarx mill-avukati. Bil-Malti nużaw dil-kelma għax ma jidhirlix li għandna oħra li tista’ toqgħod flokha. Nużawha biex infissru li żewġ persuni jew aktar għandhom jeddijiet indaqs. Hi kelma ta’ siwi, għax fuq il-ħsieb tagħha toqgħod kull ġustizzja, inkluż il-ġustizzja soċjali.

Mhux kulħadd xorta

Illum il-ġustizzja soċjali hi ħaġa li, għall-anqas fil-Gżejjer Maltin, fost ħafna mkejjen oħrajn, aħna mdorrijin ħafna biha. Dan għaliex, sa mis-snin ħamsin, bdejna u bqajna nistgħu ħafna fuqha, u mbagħad, fil-bidu tas-snin sebgħin, bdejna wkoll narawha titwettaq fil-konkret b’bosta liġijiet li tawha prattika komuni.

Meta nitħaddtu fuq il-jeddijiet tal-bniedem jew, xi kultant, fuq id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, dejjem inserrħu l-ħsieb tagħna l-aktar fuq l-ugwaljanza. Dan għaliex il-jeddijiet mhumiex ta’ xi bnedmin u mhux ta’ oħrajn, imma ta’ kulħadd l-istess. Qabel, sal-bidu tas-sebgħinijiet, kien hawn xi jeddijiet fundamentali fil-Gżejjer Maltin, imma ma kinux garantiti għal kulħadd l-istess.

Fi kliem ieħor, għalkemm kien hawn xi jeddijiet fundamentali garantiti, il-prinċipji tal-ugwaljanza ma kinux la garantiti għal kulħadd. Kellna s-sitwazzjoni stramba (u inġusta) li xi wħud kellhom il-prinċipji fundamentali tagħhom garantiti u mħarsa, u xi wħud, il-biċċa l-kbira, tista’ tgħid, le.

Jeddijiet biss?

Mhuwiex biżżejjed f’pajjiż ċivilizzat bħal tagħna li jkun hemm qima lejn il-jeddijiet fundamentali tal-bniedem. Jew ukoll li, ma’ dan, jingħad li hemm il-ħarsien tagħhom. Mhuwiex biżżejjed għax, mingħajr ugwaljanza, jiġifieri mingħajr ma dawk il-jeddijiet ikunu ggarantiti u mħarsa għal kulħadd l-istess, dal-jeddijiet isiru l-privileġġi tal-ftit jew ta’ xi wħud biss.

Il-privileġġ huwa meta xi ħadd jingħatalu l-jedd li jgawdi xi ħaġa fl-istess waqt li ħaddieħor, għal xi raġuni jew oħra, ma jkollux l-istess jedd bħalu. Sa madwar ħamsin sena ilu, f’pajjiż bħal tagħna diversi oqsma tas-soċjetà kellhom minn dawn il-privileġġi. Il-biċċa l-kbira tal-poplu ma kellux. Il-qima tal-jeddijiet fundamentali tal-bniedem għandha mnejn kienet hemm, bħalma kien jingħad li hemm il-ħarsien tagħhom. Imma ma kinux għal kulħadd. Ugwaljanza ma kienx hemm.

Hu għalhekk li mingħajr l-ugwaljanza, għalxejn wieħed joqgħod jitħaddet fuq il-jeddijiet tal-bniedem. Dawn jew huma għal kulħadd l-istess, jew għandek stat ta’ inġustizzja. Il-jeddijiet tal-bniedem u l-privileġġi ta’ xi wħud huma żewġ affarijiet li ma jistgħux jgħixu flimkien. Jew għandek waħda jew l-oħra.

Privileġġi ġodda

Dan kollu qed ngħidu għax jidhirli li, filwaqt li l-jeddijiet tal-bniedem, speċjalment dawk fundamentali, kulħadd iqimhom, għall-anqas bil-fomm, u għandna wkoll fil-liġijiet tagħna l-garanzija tal-ħarsien tagħhom, fl-istess waqt ma jidhirx li l-qima lejn l-ugwaljanza, u l-ħarsien tagħha, baqgħu b’saħħithom daqskemm wieħed jaħseb jew jixtieq. Mingħajr ugwaljanza għalxejn hemm it-twemmin fil-jeddijiet.

Illum, jekk il-kapitaliżmu mhuwiex jattakka l-jeddijiet, dan qed jagħmlu, mhux għax hu qalbu tajba, imma għax m’għandux il-ħtieġa. Biżżejjed għalih li jnawwar l-ugwaljanza. B’hekk jerġa’ jdaħħal il-privileġġi, ukoll jekk baxx baxx u mingħajr trombi. Dak li qed naraw f’bosta oqsma tas-soċjetà diversifikata Maltija u Għawdxija hija, sfortunatament, it-tisħiħ ta’ ċerti privileġġi li konna ħlisna minnhom ... imma mid-dehra mhux għal dejjem.

Is-sistema tal-privileġġi bħalma qed naraw tissaħħaħ fostna hija l-oppost tal-ugwaljanza. In-nuqqas ta’ din tal-aħħar, jiġifieri l-inugwaljanza, tagħmel parodija ta’ soċjetà msejsa fuq id-drittijiet tal-bniedem. Kulħadd għandu l-jedd għal dawn, Maltin daqskemm barranin li jgħixu fostna.

Bil-paroli kulħadd jaf iqim il-jeddijiet tal-bniedem, imma l-fatti qed juru xort’oħra. Inħarsu dak li ksibna!


https://bdlbooks.com/product/aphorisms/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?