Il-blogiżmu rieqed

Il-blogiżmu huwa fenomenu ta’ żmienna li beda fuq l-Internet fit-tmeninijiet tas-seklu l-ieħor. Fil-Gżejjer Maltin hu aktar riċenti minn hekk. Il-firxa u l-popolarità tiegħu huma bla qies u għandhom sehem importanti fil-kultura tal-pajjiżi li għandhom soprastruttura teknoloġika. Madanakollu, f’pajjiżna jidher li għadu mhuwiex qed jagħti l-aqwa li jista’

Ġurnali ħajjin

Jissejjaħ ‘blog’ kwalukwe sit jew paġna fuq l-Internet li jikkonsistu f’għadd ta’ kontribuzzjonijiet, aktarx kitbiet, tipikament irranġati f’ordni kronoloġiku maqlub. B’hekk, l-iġded kontribuzzjonijiet jidhru l-aktar ’il fuq, u l-eqdem l-aktar ’l isfel. Ġieli l-kontribuzzjonijiet jiġu miżjuda b’tagħrif ġdid mill-awturi tagħhom jew ukoll mill-qarrejja. Il-blog jista’ jinkludi wkoll diskussjonijiet sħaħ.

Dal-kontribuzzjonijiet kollha jsawru speċi ta’ ġurnal ħaj. Infatti, il-kelma ‘blog’ tiġi mit-terminu ‘weblog’, li tfisser ġurnal tax-xibka elettronika. Il-blogijiet huma magħrufa għall-ħeffa li biha jinbidlu, għall-interazzjoni li joħolqu u għall-varjetà bla qies li għandhom fil-kontenut daqskemm fil-format.

Iż-żieda fl-għadd tal-bloggijiet ġiet meta l-Internet beda joffri għodod ta’ kitba lil nies li ma kellhomx għalfejn jafu fuq ponot subgħajhom it-teknikalitajiet tal-lingwaġġ tal-Internet (HTML u l-bqija). B’hekk, kulmin kellu l-iċken idea ta’ kif jikteb fuq l-Internet seta’ jibda blog u jmantiha. Kull bniedem li għandu blog tiegħu bl-Ingliż jissejjaħ ‘blogger’ jew, bil-Malti, ‘bloggier’.

Il-bloggiera lokali

Dawra ta’ malajr mal-bloggijiet lokali tagħtina xi ftit jew wisq ħjiel ta’ x’relazzjoni mal-Internet iżommu l-biċċa l-kbira tal-bloggiera Maltin u Għawdxin. Qabel xejn, wieħed għandu jgħid li t-tul tal-kontribuzzjonijet tagħhom ivarjaw: filwaqt li għandek lil min irażżan lilu nnifsu għal sentenzi xi ftit jew wisq qosra, oħrajn jiktbu artikli sħaħ, aktarx ta’ tul moderat.

Il-biċċa l-kbira tal-bloggiera Maltin u Għawdxin donnhom jippreferu jużaw il-bloggijiet tagħhom biex jikkummentaw fuq ġrajjiet kurrenti jew fuq l-interessi tagħhom fil-mument. Il-kummenti tagħhom aktarx ma jkunux sofistikati wisq jew, anqas u anqas, irriċerkati; pjuttost ikunu kummenti ħfief ta’ malajr kif jiġu f’moħħ dak li jkun.

Madanakollu, issib ukoll bloggijiet li jkunu aktar maħduma. Fis-sens li l-bloggiera joħolqu speċi ta’ ġabra, magħmula minn kitbiet, xbihat u rabtiet ma’ siti oħrajn, fuq xi suġġett partikulari tal-interess tagħhom. Mhux rari li dil-ġabra tkun estensiva mhux ħażin, xhieda tal-passjoni ta’ dak li jkun għas-suġġett.

Arma siewja u importanti

Meta wieħed jara dal-bloggijiet lokali kollha ma jistax ma jinnotax nuqqas ta’ ideat innovattivi jew, jekk trid, ażżardati. Il-bloggiera ħafna drabi jżommu fi ħdan iż-żona sigura tagħhom mingħajr ma ħafna drabi jipprovaw jivvintaw il-bidla jew joħolmu l-ġdid. Il-kummenti tagħhom huma spiss ‘reqdin’, jekk trid, fis-sens li ma jisfidaw xejn, imma biss jirrimarkaw fuqhom jew joffru xi ftit tal-osservazzjoni.

Barra minn xtutna, il-bloggiera huma aktar sfiqa minn hekk. Hu dan li jagħmel il-bloggijiet għodda qawwija demokratika u politika. Dan għax il-bloggiera spiss joħorġu f’innovazzjonijiet, ideat anki ‘revoluzzjonarji’, li, ukoll jekk xi kultant imorru lil hinn mill-moderazzjoni u l-prudenza, javvanzaw ċerta oriġinalità ta’ ħsieb u ideat.

Dan jidhirli li jonqos ħafna fil-bloggiera Maltin u Għawdxin. F’dan l-ispazju virtwali ta’ bla kontroll, jew għall-anqas ta’ ftit li xejn kontroll, jidhirli li l-bloggijiet m’għandhomx ikunu rieqda jew diskreti (iżżejjed). Għandhom, fil-fehma tiegħi, jażżardaw aktar, ikunu anqas kritiċi u aktar kreattivi, jikkummentaw anqas u jivvintaw aktar.

Il-blog huwa arma siewja u importanti fil-kultura tal-pajjiżi li għandhom soprastruttura teknoloġika, u aħna lkoll, Maltin u Għawdxin, għandha, mhux biss inkunu aktar konxji tal-qawwa tagħha, imma nużawha wkoll.


https://www.goodreads.com/book/show/42094684-il-filosofija-politika-ta-eddie-fenech-adami

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?