Il-kostruzzjoni

Kulfejn tħares, tara l-krejnijiet. Malta jew Għawdex, tmur fejn tmur, dejjem, ibqa’ ċert, se jkun hemm quddiem għajnejk xi krejn, jekk mhux tnjen u tlieta u erba’, tiela’ ’l fuq ’l fuq qisu xi insett ġigantesk li tistħajlu għandu ġuħ li ma jista’ jaqtgħu qatt. Il-krejn huwa l-lanza tal-kostruzzjoni. L-inkwiet ta’ ħafna, u mhux mingħajr raġun, huwa li hawn wisq minnhom, u li s-sitwazzjoni donnha ħarbet minn taħt idejna.

Soqfa meħtieġa

Il-kostruzzjoni fiha nnifisha mhijiex ħażina. Hemm ħafna aspetti li tista’ tqis fiha. Wieħed minnhom huwa l-iżvilupp, dejjem meħtieġ, li jrid isir fl-ambjent mibni. Aspett ieħor huwa t-tmexxija tal-kummerċ, li dawn l-aħħar snin donnu qabad ritmu sod. Aspett importanti huwa l-ambjent naturali u l-ħarsien tiegħu għalina u għall-ġenerazzjonijiet ġejjiena. Aspett ieħor huwa l-impjiegi li l-kostruzzjoni tiġġenera. Ieħor huwa t-tħaddim tal-flus. U l-bqija.

L-aspetti kollha li semmejna, u oħrajn magħhom, fihom is-siwi tagħhom u wieħed ma jistax ma jagħtix kashom meta jidħaddet fuq il-kostruzzjoni. U, la għandom is-siwi, irid ikun hemm l-għarfien u l-apprezzament tagħhom. Wieħed ma jistax jaqbad u jgħid “Din tajba; dik ħażina; din irriduha; dik le” bl-addoċċ.

Sa minn żmien żemżem, il-kostruzzjoni minn dejjem kienet meħtieġa kullimkien fid-dinja daqskemm fil-gżejjer tagħna. La darba ma ngħixux fl-għerien, allura l-kostruzzjoni saret parti meħtieġa u integrali ta’ ħajjitna. Il-bniedem irid saqaf fuq rasu u dan, ukoll jekk ma jridx, ifisser xi grad jew livell ta’ kostruzzjoni artifiċjali.

Kontroll tabilħaqq?

Minkejja dan kollu, aħna nibnu biex ngħixu, mhux ngħixu biex nibnu. Il-kostruzzjoni, hi kemm hi meħtieġa u importanti, tiġġenera kemm tiġġenera tidwir ta’ liri u impjiegi, dejjem jeħtieġ li tkun ikkontrollata. Weħedha weħedha, ma tagħmilx sens, aktar u aktar jekk tkun għal kollox f’idejn il-privat, bħalma hi fil-gżejjer tagħna.

Il-kostruzzjoni tagħmel sens, ukoll jekk tkun fuq skala żgħira (aħseb u ara jekk tkun fuq skala kbira), meta tkun integrata mal-bqija tal-ħidmiet tal-bniedem u l-għamliet ta’ ħajtu, kemm materjali u kemm mentali. L-integrazzjoni tal-kostruzzjoni mal-ħajja sħiħa tal-bniedem ifisser li l-kostruzzjoni, jew aħjar dawk li huma responsabbli għaliha, ma jimxux għal rashom mingħajr kunsiderazzjoni ta’ xejn għajr il-gwadann tagħhom infushom.

Inkunu żbaljati, ovvjament, jekk ngħidu li fil-gżejjer Maltin ma jeżistix kontroll tal-kostruzzjoni. Imma wieħed ma jistax ma jissusspettax li dal-kontroll—bil-Planning Authority b’kollox—sar wieħed elastiku ħafna. Ħafna drabi wieħed ma jistax ma jinnotax li mill-Planning Authority dubbiena ma tgħaddix, imbagħad jgħaddi ġemel (jekk mhux iljunfant ukoll)!

Pjan integrali

Hi kemm hi ta’ ġid il-kostruzzjoni, jidher li s-sitwazzjoni kurrenti fil-gżejjer Maltin ħarbet minn taħt l-awtoritajiet governattivi. Jidher li, jekk wieħed jaf minfejn għandu jgħaddi, bħalma jafu ħafna periti u kostrutturi bil-mustaċċi, mhemm xejn, xejn u xejn milli jżommhom iħottu u jibnu li jfettlilhom f’moħħhom. Bħal dejjem, għaż-żgħir jeżistu elf miljun liġi; għall-kbir, lanqas liġi waħda.

Bħalissa jidher li l-kbir f’dan il-qasam qed jagħmel xalata minn fuq dahar dak kollu li jsawwar il-ħajja sħiħa tal-bniedem f’dawn il-gżejjer. Ma jihirx li jeżisti pjan ħolistiku ta’ saħħa fiżika u mentali tal-bniedem li fih il-kostruzzjoni hija integrata, jew, jekk hemm, qiegħed merfugħ f’xi kexxun xi mkien.

Hawnhekk m’aħniex nitkellmu biss fuq l-ambjent naturali li, bil-mod il-mod, qed jinqered għal dejjem; qed nitkellmu wkoll fuq is-saħħa ġenerali tal-bniedem li jrid jgħix mal-mostri tal-kostruzzjoni li qed jittellgħu kullimkien apparentament bla rażan. Nerġa’ ngħid:

Aħna nibnu biex ngħixu, mhux ngħixu biex nibnu.


https://bdlbooks.com/product/maltas-philosophy-philosophers/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?