Europa admirabilis

Meta snin ilu kellna l-kampanji tar-referendum għad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, ma jidhirlix li ħadd qatt ma kien semma l-vantaġġ li qed naraw illum bis-sħubija tagħna. Huwa l-vantaġġ li, fil-Parlament Ewropew, dejjem tista’ ssib nies onorabbli li jpatptu skont kif tgħidilhom u jingħaqdu miegħek ħalli flimkien jagħmlu kampanja fuq xiex jitwebblu. L-Ewropa tan-negattività hi tassew ammirevoli!

Front għall-ġustizzja

Tiftakarha t-tixbiha tal-Ewropa ta’ Abel u l-Ewropa ta’ Kajin? Antika issa, veru. Għandha ’l fuq minn erbgħin sena żgur. Imma għandu mnejn li qatt daqs illum m’aħna naraw is-sens sħiħ tagħha. Kajin u l-imxierka tiegħu donnhom dejjem bil-ħakk biex jaraw ma’ min se jaqbdu. Kulma jridu hu tfesfisa fil-widnejn ... u arahom jikkakkmaw flimkien biex joħolqu front għall-ġustizzja.

Dawn iriduha ta’ nies serji; nies tal-affari tagħhom. Kollhom ingravajjed u bagalji, kollhom karti u ġlekkijin, u erħilhom itellgħu mill-istonku tagħhom u jobżqu s-semm. Addio verifiki. Addio imparzjalità. Addio il-moħħ miftuħ. L-aqwa s-sħubija tal-ħbieb; ta’ min hu magħna u mhux magħna. L-aqwa li npaxxu lil min jista’ jpaxxi lilna.

Dawn huma nies onorabbli. Nies li qed iħarsulna d-drittijiet ċivili u politiċi tagħna. Huma n-nies li l-Ewropa tinsab f’idejhom. Huma l-paladuni tad-demokrazija; taċ-ċiviltà kollha li aħna tant kburin biha.

Nies serjissimi

Ħadd ma qalilna, meta kellna l-kampanji tar-referendum, li konna se nkunu qed nivvutaw biex nagħtu lil dan-nies illustri u serjissimi s-setgħa li jpeċilqu u jċarlaw bl-akbar sens ta’ dekor u proprjetà. Xi wħud qalulna li fil-Parlament Ewropew tgħid kemm kien hemm psataż u opportunisti. Min seta’ jemminhom lil dawn? Istituzzjoni tant serja u onorabbli bħal dik kif seta’ jkollha minn dawn in-nies? Żgur li ħlief puliti u dutturi ma kellhiex.

Issa qed naraw—jekk kellna bżonn naraw—x’tip ta’ nies għandha dik l-organizzazzjoni jsaħħnulha l-bankijiet tagħha. Nies li lesti jissieħbu ma’ kull ċawla mbasta jidhru kemm iħobbu s-sewwa, l-onestà u l-bżulija. Ħallsilhom il-biljett u tarahom ikunu minn tal-ewwel jiġulek jimmarċjawlek wara l-kartellun tal-ġustizzja. Agħtihom ikla u xarba b’xejn u arahom jagħmlulek diskors bil-kulur li jġiblek qalbek ġunġliena.

Ma tistax ma tammirahomx lil dan-nies. Huma l-bonus tal-vot li konna tfajna snin ilu biex nissieħbu magħhom. Imnalla jkunu huma biex għandna daqsxejn tal-ġustizzja. Imnalla jkunu huma għalina għax kieku jikluna l-klieb. Is-serjetà u l-irġulija tagħhom kważi kważi jġegħluna nistħu. X’inhi l-Ewropa mingħajrhom? Żgur li ma tibqax ammirevoli kif inhi.

Ħallina minn Abel

Kienu qalulna b’ħafna u ħafna vantaġġi li s-sħubija fl-Unjoni kienet se tiksbilna. Ftit minnhom seħħew. Kien hemm ukoll min qalilna b’ħafna u ħafna żvantaġġi. Xi wħud minnhom seħħew. Imma ħadd ma kien semma, safejn niftakar jien, b’dan il-vantaġġ tal-għaġeb: li l-borma tal-Parlament Ewropew tista’ toħroġ minnha kull togħma li trid skont kif jaqbillek. Dan vantaġġ li kien imissu jissemma; mhux xejn.

Il-kukkanja li bħalissa qed iżommu id xulxin, grazzi lil seħibna Casa, biex jiddefendulna l-ġustizzja mnalla kienu huma għalina, għax kieku nispiċċaw bla tama. Ħaqqhom l-aqwa tifħir u l-akbar ammirazzjoni tagħna lkoll. Huma nies b’kuxjenza dritta daqs stanga u safja daqs il-ħamiem. Jafu xi jgħidu. Fuq kollox, iħobbu s-sewwa mingħajr kantunieri. Dan l-importanti.

Poplu Malti u Għawdxi, ħalli lħitek f’idejhom, ngħidlek jien, għax jafu x’inhuma jagħmlu. Huma l-għaxqa tal-Ewropa. Bil-kemm tistħoqqilna l-imħabba li għandhom għalina. X’ċuċ hu Abel!




 

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?