Nies materjali

Qabel kont tisma’ ’il min jgħallem li aħna, għax aħna ruħ, konna aktar spiritwali milli materjali. L-aspett materjali kien sekondarju għall-aspett spiritwali, u, xi minn daqqiet, saħansitra mingħajr importanza ta’ xejn. Il-materjali jgħaddi, kienu jgħidulna, imma l-ispiritwali jibqa’ għall-dejjem.

Tagħlim antik

Dat-tagħlim kien iġġusfika ħafna tmaqdir tal-aspett materjali tagħna u jħolli ’l fuq l-aspett spiritwali. B’hekk, kien jiġi mmaqdar il-ġisem u dak kollu marbut miegħu, inkluż is-sess, l-affett, il-ħbiberija umana u l-bqija. Kulma kien materjali kien jitqies għar-rimi.

Kien ukoll tagħlim li jiġġustifika l-faqar. Min ibati f’din id-dinja, kienu jgħallmu, m’għandux għalfejn jinkwieta wisq għax ‘pajjiżna s-sema’. Min ibati l-faqar hawn, imqar għall-ftit taż-żmien, għad igawdi l-għana bla qies fis-sema għall-eternità.

Dat-tagħlim (duwalistiku) kien iqis li l-bniedem għandu biss żewġ aspetti, jew id-dimensjonijiet, u jinjora l-aspetti l-oħra kollha billi jiġborhom taħt xi waħda minn dawn it-tnejn. Imma l-bniedem mhux żewġ dimensjonijiet biss għandu, imma bosta, u lkoll flimkien isawru l-personalitajiet tiegħu.

Dimensjonijiet

Wieħed irid jistaqsi: Jekk tneħħielna d-dimensjoni materjali, x’jibqagħlna? Il-fatt li rridu nieklu biex ngħixu biżżejjed biex jikkonvinċina kemm hi meħtieġa u importanti d-dimensjoni materjali. Aktar minn hekk, fuq din il-bażi tal-ikel, jinbnew ħafna dimensjonijiet oħra daqstant meħtieġa u importanti li flimkien isawruna.

Aħna nies materjali. Id-dimensjoni materjali tagħna hija fundamentali jew mhux, kif isostnu xi wħud, l-unika waħda. Tabilħaqq, hemm dimensjonijiet mhux materjali li huma importanti għalina, bħal, ngħidu aħna, l-edukazzjoni, il-kultura, l-arti, il-ħsieb u l-bqija. Għalkemm dawn mhumiex dimensjonijiet materjali, b’daqshekk mhumiex anqas meħtieġa għalina minn dak li hu strettament materjali.

Fil-ħajja meħtieġa kemm dawk id-dimensjonijiet li huma materjali daqskemm dawk li mhumiex. Ilkoll flimkien isawru l-personalitajiet tagħna u jagħmlu xi ħaġa sabiħa minna. Din hi l-ispeċjalità tal-bniedem fost l-annimali l-oħra kollha tal-ħolqien: li għandna dawn id-dimensjonijiet kollha li lkoll flimkien joħolqu eżistenza waħda.

Bilanċ

Dad-dimensjonijiet jeħtieġa, jidhirli, bilanċ bejniethom ilkoll biex dil-ħaġa sabiħa li nsejħulha bniedem tkun fl-aqwa tagħha. Dal-bilanċ, jidhirli, huwa s-sigriet ta’ ħajja sabiħa u kuntenta. Aktarx min jiċħad jew iwarrab xi waħda mid-dimensjonijiet, jew jgħolli xi waħda minnhom b’detriment għall-oħrajn, ikun għamel ħsara lill-personalità sħiħa u sabiħa.

Huwa ħażin, fil-fehma tiegħi, li xi ħadd jgħolli dimenzjoni ’l fuq b’detriment għal xi waħda jew aktar mid-dimensjonijiet l-oħrajn, kemm jekk tkun dik materjali kif ukoll xi waħda mhux materjali. Is-sigriet huwa fil-bilanċ, ukoll jekk huwa diffiċli ħafna jintlaħaq jew jingħex.

L-għerf tal-bniedem mhuwiex li jżomm jew jgħolli dimensjoni waħda fuq l-oħrajn, jew imaqdar id-dimensjonijiet l-oħra għax jagħti siwi assolut lil xi waħda biss. Dan mhux għerf għandu jissejjaħ, imma bluha. L-għerf huwa li jiġu meqjusa d-dimensjonijiet kollha u jinstab bejniethom bilanċ b’saħħtu u sabiħ.

Dak li kien jgħallmu qabel li dak kollu materjali huwa baxx, jekk mhux ukoll ħażin, m’għadx għandu, fortunatament, is-saħħa tal-konvinzjoni. Iżda l-anqas il-kontra tiegħu m’għandu jkollu. Għax kull estremità f’dan ir-rigward huwa żbilanċ ta’ dak li hu wieħed u sħiħ.

Aħna materjali, u fid-dimenzjoni materjali tagħna jilħaqu l-bilanċ tagħhom id-dimensjonijiet l-oħra kollha li lkoll flimkien isawru dak li għandna naspiraw dejjem għalih.



https://bdlbooks.com/product/il-kappillan-ta-malta/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?