Ħa tintemm il-vjolenza!

Illum, il-25 ta’ Novembru, il-Ġnus Magħquda tfakkar il-Jum Internazzjonali għat-Qerda tal-Vjolenza kontra n-Nisa. Hija tifkira ta’ ċertu tifsir u importanza għax din l-għamla ta’ vjolenza, f’dinja fejn il-jeddijiet tal-bniedem huma hekk meqjuma, diżgrazzjatament għadha sal-lum waħda mill-aktar mifruxa, persistenti u qerrieda.

Il-vjolenza bi preġudizzju

Meta fl-1993 l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda fissret xi trid tgħid b’vjolenza kontra n-nisa hija għarfitha bħala “kull għemil ta’ vjolenza li jsir kontra mara għax hi mara, li jista’ jġibilha ħsara jew tbatija fiżika, sesswali jew psikoloġika, inkluż it-theddida ta’ atti bħal dawn, atti li jġegħluha tagħmel li ma tridx jew atti li jċaħħdulha l-libertà tagħha, kemm jekk isiru fil-pubbliku kif ukoll fil-privat”.

Wieħed għandu mnejn jistagħġeb kemm atti bħal dawn, li jsiru kontra mara għax hi mara, huma komuni, mhux biss barra minn pajjiżna, imma f’pajjiżna wkoll. Għadhom jeżistu nies, l-aktar irġiel, li jqisu l-mara bħala xi ħaġa inferjuri li jistħoqqilha tiġi ttrattata b’forza, theddid jew saħansitra vjolenza fiżika.

F’dinja li rriduha xierqa għal kulħadd, ebda għamla ta’ vjolenza ma hija aċċettabbli, kemm kontra n-nisa għas-sempliċi raġuni li huma nisa, kemm kontra l-omosesswali għas-sempliċi raġuni li huma omosesswali, kemm kontra persuna ta’ ġilda skura għas-sempliċi raġuni tal-lewn ta’ ġildhom, u kemm kull sura ta’ vjolenza oħra.

Il-vjolenza ta’ ħafna wċuħ

Il-vjolenza hija sinjal ċar ta’ immaturità u nuqqas ta’ ċiviltà. Hija ħażina għax tfisser li xi ħadd iġiegħel lil xi ħadd ieħor jagħmel dak li ma jridx. Għalhekk tmur direttament kontra l-libertà tal-persuni. Mhux biss tista’ l-vjolenza tieħu suriet differenti, bħal dawk fiżiċi, sesswali jew psikoloġiċi, imma wkoll tista’ tiġi kemm minn persuni, individwalment jew kollettament, iżda wkoll mill-istituzzjonijiet, partikularment mill-istat.

Kull għamla ta’ att li jġiegħel lil xi ħadd jagħmel xi ħaġa kontra r-rieda tiegħu għandha tissejjaħ vjolenti, għax hekk hi tabilħaqq. Hija tonqos mill-ġieħ li jistħoqqlu kull bniedem u tirfes fuq il-jedd tiegħu li jiddeċiedi hu għalih innifsu skont ma jidhirli l-aħjar. Kull att vjolenti jisraq dan il-jedd u, aktar iva milli le, jużah abbużivament.

In-nisa, speċjalment dawk ta’ età żagħżugħa u dawk ta’ età anzjana huma fost l-aktar li jinsabu fir-riskju li jiġu abbużati, kemm privatament, kemm soċjalment u kemm istituzzjonalment. Dan jgħodd għall-pajjiżi fejn għad hemm liġijiet diskriminatorji daqskemm għal pajjiżi, bħal tagħna, fejn m’hemmx. Ħadd ma hu ħieles mill-periklu tal-vjolenza.

Il-vjolenza qatt m’hi jedd

Dan ifisser li t-tagħlim għar-rispett tal-persuni u l-libertajiet tagħhom ma jista’ jieqaf qatt, anzi jeħtieġlu li jiżdied u jinfirex dejjem aktar. Soċjetà li ma tiġix mgħallma biex teqred il-vjolenza minn ħdanha tkun f’riskju kbir li “tinnormalizza” l-vjolenza u tgħix magħha u biha bħallikieku xejn.

Il-vjolenza, kull għamla ta’ vjolenza, kontra kull sura ta’ bniedem, mhijiex xejn. Hija ħaġa serja ħafna. Hija l-qerda ta’ kulma jeżisti li hu deċenti, xieraq, sabiħ u, inżid ngħid, qaddis. Min għadu jemmen—u għad hawn min jemmen hekk—li hawn persuni li jistħoqqilhom jew jixirqilhom jiġu mġiegħla jkunu dak li ma jridux jew mhumiex, huwa bniedem deġenerat. Huwa bniedem li ma jixraqlu jew jistħoqqlu r-rispett ta’ ħadd.

Dan jgħodd ukoll għall-istituzzjonijiet, partikularment l-istat politiku. Il-vjolenza—ta’ ebda sura u għamla—ma hi jedd ta’ ħadd, lanqas tal-istituzzjonijet jew tal-istat. Dawn qatt m’għandhom xi jedd li jġiegħlu, bit-theddid daqskemm biż-żegħil, iġiegħlu lil min m’għandux setgħa jagħmel dak li ma jridx jew ikun dak li m’huwiex.

Ħa tintemm il-vjolenza! X’dinja ħafna isbaħ ikollna.


info@millermalta.com

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?