Il-filosofija tal-baġit

Kull baġit finanzjarju annwali tal-amministrazzjoni governattiva jaħdem b’żewġ aspetti differenti, wieħed ‘deduttiv’ u l-ieħor ‘induttiv’, u jipprova jlaqqagħhom jew jibbilanċjahom kemm jista’ jkun. Baġit li jitqies ħażin aktarx jixħet il-piż fuq l-aspett induttiv; wieħed li jitqies tajjeb jagħfas fuq l-aspett deduttiv. Kull gvern jidher li għandu jagħti kas sewwa taż-żewġ aspetti mingħajr ma joħloq dwejjaq żejjed f’xi wieħed minnhom. Dal-baġit li għadu kemm kellna donnu jagħti l-aspett deduttiv l-aktar toqol.

L-issa jew l-imbagħad

Nibdew mit-tieni aspett, dak ‘induttiv’. Dil-kelma tfisser li r-raġunament isir ‘minn isfel għal fuq’, biex ngħidu hekk; jew aħjar, dak li jsawwar gwidi ġenerali minn ċirkustanzi partikulari. Dar-raġunament jibda mill-fattwali, dak li jeżisti, u jfittex li jilmaħ il-possibbiltajiet u l-limiti ta’ din ir-realtà. Fl-aħħar mill-aħħar, huwa ħsieb, jew aspett, jew attitudni, li ma jmurx wisq lil hinn mir-rabta mal-preżenti u ċ-ċirkustanzi tiegħu.

L-aspett l-ieħor, dak deduttiv, jipproċedi bil-kontra: jibda minn dak li hu possibbli li jsir u joħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa biex dan il-livell lil hinn miċ-ċirkustanzi preżenti jintlaħaq. Dar-raġunament, jew aspett, jew attitudni, aktarx jibda minn dak li għadu mhuwiex biex, b’dak li hu, iġibu fl-eżistenza.

Id-differenza bażika bejn iż-żewġ aspetti tista’ tidher ċara fil-fatt li, filwaqt li bl-attitudni induttiva t-tinfiq tal-gvern jagħmel tajjeb għal dak li diġà jeżisti fil-faċilitajiet u s-servizzi, bl-attitudni deduttiva t-tinfiq tiegħu jinvesti f’dak li għandu jeżisti f’dawn l-oqsma. L-induttiv jibqa’ marbut mar-realtà preżenti; id-deduttiv joħloq realtà għall-ġejjieni li għadu mhuwiex.

Baġit induttiv

Ovvjament, ebda gvern ma jista’ jinjora l-limitazzjonijiet u ċ-ċirkustanzi preżenti li għandu. Imma jista’ jibqa’ kkaħmat magħhom, jipprova jillimita l-ħsara li joffru u l-possibbilitajiet li jipproponu. F’dal-każ, ir-realtà preżenti tant tossessjonah bil-problemi tagħha li ma jirnexxilux jinfatam minnha jew iħalliha tisfidahalu l-qlubija tiegħu.

Gvern li jinjora dak li hu possibbli fil-ġejjieni, jew dak li l-ġejjieni jwiegħed, huwa wieħed li jispiċċa sempliċiment jagħmel ħiltu biex sempliċiment jikkonserva dak li għandu jew dak li jeżisti biss. Ma joħlomx. Ma jipprovax jissupera lilu nnifsu u lanqas ma jnebbaħ lill-poplu biex jagħmel l-istess. Huwa gvern ħabsi tal-preżenti, jew aħjar tal-passat.

Bid-dimensjoni deduttiva, gvern jitlebleb għal dak li jinsab lil hinn mill-preżent. Mingħajr ma jinsa l-limitazzjonijiet taċ-ċirkustanzi preżenti tiegħu, ma jħallihomx irażżnuh f’xewqat ġodda jew f’ħolm li huwa ażżardat. Mill-preżenti jipprova jintelaq għall-ġejjieni, u jħalli dan, u mhux l-ieħor, jagħtih l-akbar gwida tat-tinfiq fil-pjanijiet tiegħu.

Baġit deduttiv

L-aħħar baġit, bħal dawk famużi tal-bidu tas-snin sebgħin, jidher li kien aktar deduttiv milli induttiv. Ma jiċħadx ir-realtajiet preżenti, u lanqas ma jistinka biex itejjibhom, imma l-aktar importanti huwa li jissuperahom; li jilmaħ realtà ġejjieni li hi possibbli imma li għadha ma twelditx. Jidher li kien baġit li jemmen li l-enerġiji u d-dinamiżmi tan-nies jistgħu jroddu aktar milli qed jagħmlu llum.

Din l-attitudni aktar deduttiva milli induttiva fiha l-perikli tagħha. L-aktar ewlieni huwa li l-gvern isir ħati ta’ preżunzjoni jew ta’ irrealiżmu. Qisu qed joħlom bil-ftajjar. Dan ma jsirx jekk ir-realtà preżenti ma tiġix imwarba jew minsija.

Il-baġit ta’ dan l-aħħar ma jidhirx li jagħmel hekk. Ma jinsiex ir-realtà konkreta preżenti, imma lanqas ma jibqa’ ħabsi tagħha. Jista’ jkun li dan hu l-isbaħ aspett li kellu, għandu mnejn aktar miż-żidiet u l-benefiċċji kollha. Jidher li kien baġit b’filosofija ottimista daqskemm realista; ta’ issa daqskemm ta’ li ġej, anzi ta’ dak li jista’ jiġi ... u għandu mnejn u koll ta’ dak li għandu jiġi.


 Agħfas fuq ix-xbieha t'hawn taħt u niżżel b'xejn il-kitba.

http://markmontebello.blogspot.com/p/blog-page.html

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?