Fejn jilagħbu t-tfal

It-tfal se jilagħbu dejjem. Ġewwa, barra, waħidhom, m’oħrajn, fl-indafa, fil-ħmieġ, b’li jsibu, b’li jivvintaw ... it-tfal se jibqgħu tfal u se jibqgħu jilagħbu. Madankollu l-kbar jridu jaraw li fejn jilagħbu t-tfal qed jgħinhom jikbru. Għall-anqas iridu jaraw li fejn jilagħbu t-tfal ma jgħarraqhomx. Fejn qed jilagħbu t-tfal? Fejn ħallejnilhom biex jilagħbu?

Siment u asfalt

Min hu kbir bħali għandu mnejn jiftakar il-kanzunetta t’Adriano Celentano, ‘Il ragazzo della Via Gluck’ (It-tfajjel ta’ Triq Gluck), li kienet ħarġet fl-1966. Fost affarijiet oħra, kellha dal-vers: ‘Là dove c’era l’erba ora c’è una città’ – Hemm qabel kien hemm il-ħaxix issa hemm il-mibni.

Dil-kanzunetta bkiet il-qerda tal-imkejjen ħodor u tal-ispazji miftuħa. Aktarx li fl-1966 ħadd f’Malta jew f’Għawdex ma seta’ japprezza biżżejjed li dak li Celentano kien qed jilmenta għall-Italja, se jkun jgħodd għall-Gżejjer Maltin mitt elf darba aktar. Inqerdu l-imkejjen ħodor bl-għama, u jibqgħu jinqerdu l-ispazji miftuħa bl-addoċċ.

Hemm fejn qabel kienu jilagħbu t-tfal issa hemm ... siment u asfalt. L-aħdar sar griż. Ir-riħa friska saret dik ta’ lastiku u żejt. Id-dawl ħa postu d-dellijiet. Il-ftuħ sar ħitan. Il-ħarsa fil-bogħod saret taħbat mal-karozzi pparkjati bamper ma’ bamper. Il-bikja ssir għalxejn.

Serq l-ispazji

Tabilħaqq, fejn qed jilagħbu t-tfal? Fejn ħallejnilhom biex jilagħbu? Mhux flimkien. Mhux fil-ftuħ tal-avventura. Mhux fil-wesgħat li jsejħulek biex tiġri u taqbeż. Mhux fl-ispazji ħodor li huma festa ta’ ferħ u hena. Le. Ħallejnilhom toqob ċkejkna bejn triq u oħra fejn ’l ħadd ma tara u ebda ħbieb ma ssib.

It-tfal illum donnhom ilkoll magħluqa ġewwa. Il-miġemgħa spiċċat għalihom. Jagħmluha ma’ ta’ ġewwa biss u ma ħadd li mhuwiex ta’ ġewwa ma jitlaqqgħu. L-iskola biss tagħti ftit tal-iżvog, u anki din ħafna drabi hi qafas ta’ kontroll u reġimentalizzazzjoni.

L-ispazji komuni, il-ftuħijiet ħodor, mhumiex parti mill-ippjanar. Qatt ma kienu, mid-dehra, u aktarx qatt m’huma se jkunu. L-ispazji vojta u l-ftuħijiet ma jrendux. Il-kapital uman tagħhom ma jħallix flus fil-but għal ħadd. Huma żejda għall-ispekulatur ... u, għalhekk, jeqridhom.

Ħtija kbira

Fejn jilagħbu t-tfal jgħid ħafna fuq x’tip ta’ soċjetà ħloqna. Imma jgħid ħafna aktar fuq x’tip ta’ soċjetà rridu ’l quddiem. Jista’ jkun li l-qerda tal-ispazji ħodor u miftuħa huma aktar serq tal-ġenerazzjonijiet ġejjiena milli ta’ dawk tal-lum. Huma serq ta’ ġejjieni li ma ħallewh jitwieled, aħseb u ara jgħix.

Ħares lejn il-mibni tagħna; ara x’qed nagħmlu minn kull spazju miftuħ u minn kull fetħa ħadra ... ħares u tkun taf x’tip ta’ nies aħna; x’tip ta’ futur irridu għall-ġenerazzjonijiet li għadhom ma tweldux. Ħares u tkun taf x’kuxjenza għandna għad-dinja li ħallielna ħaddieħor u, fuq kollox, għall-ulied li rridu.

Qed inħallu warajna Malta u Għawdex miksijin siment u tarmak. X’għaxqa! X’faqar ta’ moħħ u qalb għandu dal-poplu iblah u miskin! Lit-tfal m’aħna qed inħallulhom inkien fejn jilagħbu, imkien. Irriduhom tfal morda, tfal bla gost.

Iva, it-tfal se jilagħbu dejjem, imma xi ħtija kbira għandu min ħadilhom fejn jitgħallmu l-libertà, l-avventura, is-sħubija u l-hena! Xi ħtija għandu min jgħarraq il-logħob tat-tfal! Min serqilhom fejn jilagħbu!


https://bdlbooks.com/product/dimech-3/


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?