Is-sbuħija tad-diċenza

Għal ħafna nies, id-diċenza hi biss marbuta mal-ilbies; ma’ kif wieħed jew waħda jilbsu mingħajr ma joffendu ’l ħadd. Imma d-diċenza mhijiex marbuta m’hekk biss. Hi marbuta ma’ dak kollu li l-bniedem jagħmel li jixraq lilu nnifsu bħala bniedem. Id-diċenza tiġi qabel ir-reliġjon, qabel il-morali, qabel il-politika u qabel kull kodiċi etiku li l-istituzzjonijiet jivvintaw.

Qabel kollox

Id-diċenza mhijiex sempliċiment xi ħaġa li jistenna minnek ħaddieħor, jew li ħaddieħor jippretendi minnek biex toħroġ ta’ nies. L-ewwel u qabel kollox, id-diċenza hi kwistjoni ta’ rispett ta’ bniedem lejn ieħor. Ħafna nies ċivilizzati jippretendu li jafu x’inhuma r-regoli tad-diċenza, imma mbagħad issibhom jagħmlu affarijiet inetiċi jew immorali li żgur ma jixirqulhomx.

Ħafna nies, ukoll, igħidu li jemmnu f’xi Alla, jew isostnu li huma parti minn xi reliġjon. Imma mbagħad issib li s-sens ta’ aġir xieraq—morali jew etiku—fil-konfront ta’ ħaddieħor, fil-konfront tal-ħlejjaq ħajjin, jew fil-konfront tad-dinja naturali, ikun għal kollox nieqes, difettuż jew skorrett.

Qabel ma bniedem jipprattika l-kodiċi morali tar-reliġjon tiegħu, irid l-ewwel ikun diċenti fi kliemu u f’għemilu. Qabel ma bniedem jgħid x’jemmen—reliġjożament jew politikament—irid l-ewwel diċenti f’kulma jagħmel u jgħid. Id-diċenza mhijiex xi ordni li rridu nobdu jew xi kmandament li rridu noqogħdu għalih; hi l-bażiku korrett fl-aġir u d-diskors waqt ir-relazzjonijiet kollha tagħna.

Liġi ta’ libertà

Kemm kien hawn u għad hawn nies li jgħidu li jemmen f’xi reliġjon, imbagħad issib li l-aġir u l-kliem tagħhom jonqos mid-diċenza bażika li wieħed jistenna minn nies ċivilizzati jew edukati! Kemm kien hawn u għad hawn nies li jistqarru kredijiet politiċi sbieħ u għoljin, imbagħad issibhom jonqsu mill-aġir u l-kliem diċenti bażiku li juri tabilħaqq rispett lejn ħaddieħor.

Id-diċenza mhijiex sempliċiment xi moralità li xi reliġjon ifettlilha timponi fuq ħaddieħor skont kif ifettlilha. Lanqas m’hija xi programm politiku mfassal biex taparsi jġib in-nies flimkien u jġegħilhom iħossuhom qrib xulxin. Id-diċenza m’għandu għalfejn jimponiha ħadd: hi dik li biha nġibu ruħna ma’ ħaddieħor mingħajr ma nonqsu mir-rispett li ħaddieħor jixraqru.

Dan ma jgħoddx biss għar-relazzjonijiet ta’ bejn il-bnedmin. Jgħodd ukoll għar-relazzjonijiet tagħna mal-ħlejjaq ħajjin kollha, inkluż l-annimali u l-ħxejjex, kif ukoll għar-relazzjonijiet tagħna mad-dinja naturali, jiġifieri l-ħolqien kollu. Id-diċenza titħares minn liġi ta’ libertà.

L-aqwa relazzjoni

Il-bniedem diċenti f’għemilu u fi kliemu huwa ħafna aħjar mill-aktar bniedem reliġjuż jew politiku. Għax il-qima tiegħu mhijiex lejn xi kodiċi jew lejn xi kmandament jew lejn xi impożizzjoni li jista’ ma jemmen fiha xejn. Il-qima tiegħu hija lejn l-‘ieħor’, hu min hu, kemm jekk hu bniedem, kemm jekk annimali, kemm jekk siġra u kemm jekk xi parti oħra tal-ħolqien.

Il-bniedem diċenti ma jonqosx mir-rispett, għax ir-rispett hu l-aqwa relazzjoni sabiħa u qaddisa li xi ħadd qatt jista’ jkollu lejn l-‘ieħor’. Id-diċenza ma tistax tkun la immorali u lanqas inetika jekk iżżomm ir-rispett ta’ ħaddieħor fuq kull sentiment ieħor.

L-aqwa reliġjon li bniedem jista’ jkollu, l-aqwa politika li bniedem jista’ jkollu, huma dawk tad-diċenza. Għax bihom ma jonqosx lil ħaddieħor, u lanqas ma jonqos lilu nnifsu fl-aqwa dmirijiet lejn id-dinja ta’ madwaru. L-aqwa etika li qatt nistgħu ngħallmu, l-aqwa morali, hi dik tad-diċenza.

Mhux li kien kull bniedem ikun dejjem diċenti miegħu nnifsu, ma’ ħaddieħor u mal-ħolqien kollu!


https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?