Grazzi, mara!

Minkejja li ‘Jum il-Mara’ ġie ċċelebrat il-Ġimgħa li għadda, 8 ta’ Marzu, għadu qrib biżżejjed biex nieħu l-okkażjoni ħalli nrodd ħajr minn qalbi lin-nisa kollha tad-dinja; anzi, lill-mara ta’ kull żmien. Fl-istess ħin, però, ma jistax jonqos li dar-radd ta’ ħajr, jiġix minni jew minn xi ħadd ieħor, dejjem irid ikun imsieħeb mas-sens ta’ dak li hu ġust.

Traġedja tal-umanità

Nibda biex ngħid x’traġedja kienet għall-umanità—waħda mill-akbar traġedji tagħha—meta l-fasliet reliġjużi, soċjali, politiċi u legali, u għalhekk dawk ekonomiċi kollha, bdew isiru bil-ħsieb li jwarrbu ’l mara. Kienet traġedja li baqgħet tissaħħaħ u tippersisti għal għexieren ta’ sekli u, xi ftit jew wisq, għadha teżisti kullimkien.

Din nistgħu nsejħulha tabilħaqq traġedja għax ġabet konsegwenzi tant koroh u dannużi fuq l-umanità u fuq id-dinja. Meta l-mara twarrbet u bdiet titqies membru tas-sekonda klassi tal-ġens uman—jew, agħar minn hekk, membru ta’ xejn—l-umanità tfaqqret b’tali mod li nbidlitilha n-natura tagħha sal-punt tal-falzità u l-aljenazzjoni totali.

Umanità mingħajr il-mara ma tistax ma tkunx traġika, falza u giddieba. Imma hekk kienet għal għexieren ta’ sekli, u jkun persistenza fl-iżball jekk, hawn fostna jew f’xi mkien ieħor tad-dinja, dan l-oltraġġ jibqa’ b’xi mod jissokta. Ilkoll irridu nibqgħu ninsistu u nirsistu biex dan ma jseħħx.

Sehem in-nisa

Personalment, kulmeta jien kont responsabbli li noħloq xi kumitat ta’ kwalunkwe forma, dejjem rajt li, jekk jista’ jkun, ma jkunx magħmul minn irġiel biss, imma dejjem ikollu l-preżenza attiva tan-nisa. L-istess, kulmeta jien kont parti minn xi kumitat ta’ ħaddieħor, jew parteċipant f’xi programm televiżiv jew tar-radju, jew f’xi konferenza, dejjem ilmentajt bin-nuqqas ta’ preżenza tan-nisa, jekk dan kien il-każ (li kien spiss).

Kull organu soċjali jew politiku fid-dinja li xogħlu hu li jħejji jew iwassal għal, jew jieħu, deċiżjonijiet, speċjalment fil-qasam pubbliku, għandu jkun dejjem magħmul minn taħlita ta’ nisa u rġiel. Hemm bosta raġunijiet tajba għal dan, imma l-aktar waħda, fil-fehma tiegħi, hi li rġiel weħedhom jew nisa weħedhom ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li huma xierqa għal kulħadd.

In-nisa jġibu fuq l-imwejjed tad-deċiżjonijiet affarijiet differenti minn dawk li jġibu l-irġiel. Kollha huma meħtieġa għal deċiżjonijiet xierqa. Ħafna mill-hemm li llum għandna fid-dinja beda jeżisti għax, għal għexieren ta’ sekli, id-deċiżjonijiet kollha ġew ikkapparrati mill-irġiel biss u tħallew f’idejhom biss.

Grazzi sinċiera

In-nisa, ovvjament, għandhom jingħataw trattament ugwali għall-irġiel f’kull qasam tal-ħajja u tad-dinja, hu liema hu. Imma l-aktar importanti, essenzjali u meħtieġ huwa l-qasam ta’ fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet soċjali u, aktar u aktar, politiċi. Hawnhekk trid issir konversjoni partikularment profonda fis-sentimenti, il-mentalità u l-perspettivi tagħna lkoll.

Mhuwiex biżżejjed li nħallu l-għażliet u l-preferenzi jitmexxew mill-fortuna, il-fama jew miċ-ċirkustanzi, għax il-kultura prevalenti hija ta’ preġudizzju għas-sehem tan-nisa fl-imwejjed tad-deċiżjonijiet. Jeħtieġ aktar minn hekk. Jeħtieġ azzjoni konxja u deliberata biex aktar nisa, kontra kull fortuna, fama jew ċirkustanza, ipoġġu madwar l-imwejjed tad-deċiżjonijiet. Mingħajr azzjoni bħal din—bil-kwoti, ngħidu aħna—dal-imwejjed ikunu zoppi.

Iva, jien l-ewwel wieħed ngħid ‘grazzi’ lin-nisa kollha tad-dinja. Imma ngħid dan waqt li jiddispjaċini li n-nisa twarrbu, tfaqqru u saħansitra tweġġgħu. Biex dil-‘grazzi’ tkun sinċiera trid tkun impenn kontra d-diskriminazzjoni u l-inugwaljanza tal-mara. Inkella tkun ‘grazzi’ giddieba.

Tiegħi, nittama, mhijiex.



https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?