In-nies kattivi

Lin-nies kattivi qatt ma fhimthom. Huma xi ħaġa li moħħi ma jistax joftom. Ma nistax nifhem għala xi wħud jagħżlu li jkunu konxjament, konxjentement u deliberatament kattivi. Naraha tant biżarra ħaġa bħal din, tant imgħawġa, li nqisha kważi patoloġija. Il-kattiverja hija kontra n-natura. Hi problema għal min ibati biha, imma wkoll għal min jiltaqa’ magħha.

L-uniku annimal

Niftakar, meta kont għadni tifel żgħir ħafna fl-iskola primarja—qed insemmi madwar ħamsin sena ilu jew ftit anqas—kien hemm tifel ġol-klassi li, ta’ tfal li kont, qistu bħala l-akbar ħabib tiegħi. Darba, ma niftakarx x’kienet l-okkażjoni, ħassejt li kien ittradieni. Meta għedt lil ommi fuq dan, din qaltli, ‘Ehhh, din l-ewwel waħda biss; kemm għad trid tara minnhom!’ u ħallietni b’hekk.

Dak in-nhar, dik il-kattiverja ta’ ħabibi ma fhimthiex daqskemm bqajt ma nistax nifhem kull kattiverja oħra li ltqajt magħha wara, kif għadna ma nistax nifhem sal-lum. Nifhem it-tradiment, nifhem l-att goddart, nifhem is-suppervja, nifhem il-kburija ... imma l-kattiverja ma nifhimhiex. Għala għandu bniedem ikun kattiv – waqt li jaf li qed ikun kattiv?

Safejn naf jien, qatt ma eżista ebda annimal fid-dinja b’kapaċità li jkun konxjement kattiv. L-annimali, naturalment, jagħmlu ħafna affarijiet lil xulxin li huma tabilħaqq koroh u mistkerrha. Imma dan, safejn naf jien, qatt ma jagħmluh b’kattiverja. Huwa l-bniedem biss fost l-annimali kollha li hu kapaċi għal ħaġa bħal din.

Perversjoni

Il-kattiverja timplika intenzjoni kattiva. B’dan nifhem li l-persuna tkun taf li qed tagħmel il-ħsara u tibqa’ tagħmlu apposta. Għalkemm possibbilment jeżistu nies li ħaġa bħal din saret drawwa fihom, jew ukoll vizzju, aktarx kull bniedem—jien inkluż—għall-anqas darba f’ħajjitna għamilna xi att ta’ kattiverja. Mhux bil-fors lil xi bniedem ieħor, imma jista’ jkun lil xi annimal ieħor jew lil xi ħlejqa ħajja oħra.

Ovvjament, il-kattiverja dejjem issir minn min iħossu b’xi mod aktar b’saħħtu mill-vittma jew il-vittmi tiegħu. Imma dan biss mhuwiex biżżejjed. Il-kattiverja mhijiex biss kwistjoni ta’ saħħa superjuri. Wara kollox, kull tip ta’ vjolenza għandha minn hekk. Fil-kattiverja hemm xi ħaġa aktar: hemm il-pjaċir li bniedem jikseb mill-ħsara li jġarrab bih lil ħaddieħor.

Minn hawn jiġi li l-kattiv hu bniedem pervers. Bniedem jista’ ma jifhmx eżatt it-tbatija li jkun għaddej minnha ħaddieħor—wara kollox, ebda annimal dan ma jifhmu—imma madanakollu jaf li t-tbatija li qed jikkawża mhijiex neċessarja u tista’ tiġi evitata. Hija din ir-rieda li jikkawżaha xorta waħda li tiġġenera l-pjaċir pervers.

Ebda jedd

Il-kattiverja tal-bnedmin tieħu suriet u għamliet bla għadd, mill-aktar gravi (bħat-tortura fiżika jew mentali) sal-aktar ħafifa (bħaċ-ċajt inkejjuż). L-iskużi għall-kattiverja—għax dejjem huma skużi r-raġunijiet li jistgħu jinġiebu għaliha—huma varjati wkoll, minn dawk morali (f’isem Alla) sa dawk politiċi (f’isem is-soċjetà). Ħaġa waħda fihom komuni l-kattiverji kollha: huma dejjem ħżiena.

Il-bniedem kattiv trid tiqaflu bl-attenzjoni u bi prudenza kbira, ukoll meta trid tiddefendi lil ħaddieħor. Għax tista’ tagħmel is-sitwazzjoni agħar. Tinsiex li l-kattiv hu pervers, ma jaħsibx bħalek, u kull azzjoni tiegħek tista’ żżidlu l-leblieba għal kattiverja akbar.

Din hi ċerta: ebda bniedem ma jista’ qatt ikollu l-jedd—uman, divin jew ta’ xi għamla oħra—li jaħqar lil xi ħadd ieħor. Ħadd ma jista’ qatt ikun iġġustifikat għall-kattiverja li jagħmel. Xi kultant, il-vjolenza tista’ tkun iġġustifikata—għall-anqas hekk iżommu xi wħud—imma l-kattiverja (li dejjem tiġi mal-vjolenza) ma tista’ tkun qatt.



https://bdlbooks.com/product/dimech-3/
 

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?