Il-ċirku vizzjuż tal-kompetizzjoniżmu

Il-kelma twila li qed nuża llum, ‘kompetizzjoniżmu’, għandha mnejn taqtagħleq qalbek. M’għandhiex għalfejn. Tiġi, ovvjament, mit-terminu ‘kompetizzjoni’.

Xejn evanġeliku

Il-kompetizzjoni hija xi ħaġa li aktarx jgħallmuna minn meta nkunu żgħar. Dejjem timplika superjorità ta’ xi għamla jew oħra. Infatti, il-kompetizzjoni hija l-attività jew il-kundizzjoni li biha bniedem ifittex li jikseb jew jirbaħ fuq ħaddieħor billi jegħelbu jew juri li hu aqwa minnu.

Fl-etika, il-kompetizzjoni tiġi aċċettata fuq il-bażi ta’ regoli li jkunu l-istess għal kulmin hu ta’ kundizzjoni simili. Fil-morali, però, partikularment il-morali nisranija, il-kompetizzjoni ma hi qatt ġustifikata, għax dejjem timplika li xi ħadd hu aktar, aqwa, isħaħ, u l-bqija, fuq xi ħadd ieħor. Ħadd m’hu superjuri għall-ħadd skont l-Evanġelju.

Fis-soċjetà tagħna—li ċertament mhijiex mibnija għal kollox fuq il-prinċipji morali nsara—il-kompetizzjoni hija popolari ħafna, inkoraġġita u saħansitra ċċelebrata. Ħafna drabi, din issir bi speċi ta’ logħoba, fejn it-telliefa jingħataw xi tip ta’ kumpens. Imma ssir ukoll b’mod ħafna aktar serju, speċjalment fl-ekonomija, fejn it-telliefa mhux biss m’għandhomx ebda kunpens, imma sa jiġu kkastigati.

Idea fabbrikata

Minn din il-mentalità kompetittiva joħroġ il-kompetittiviżmu jew il-kompetizzjoniżmu. Dawn tal-aħħar jindikaw l-abbuż, l-esaġerazzjoni jew il-vizzju tal-kompetizzjoni. Jindikaw, b’mod aktar speċifiku, li kollox jitqies parti minn tellieqa kompetittiva; fejn kulħadd irid itellaq, ukoll ma’ min mhuwiex simili għalih.

B’dan il-mod, minn huwa limitat b’xi mod, mhux neċessarjament b’mod fiżiku, imma aktar u aktar b’mod soċjali, politiku jew kulturali, jitqiegħed fi tlielaq fihom jibda bi żvantaġġi li qatt ma jista’ jirkupra b’mezzi normali jew ordinarji. It-tlielaq, minkejja inġusti, isiru xorta waħda, u t-telliefa xorta waħda jingħaw il-kastig tat-telfiet tagħhom daqskemm ir-rebbieħa jingħataw il-merti u l-qligħ tar-rebħiet.

Ħafna drabi, il-kompetizzjoniżmu jittieħed bħala xi ħaġa normali; li bih il-bniedem ma jistax jgħaddi mingħajru; li mingħajr s-soċjetà ċivilizzata tisfaxxa u tintemm; li hu kundizzjoni normali tal-ħajja.

Dan mhuwiex minnu. Il-kompetizzjoniżmu nħoloq minn min hu sfruttatur ta’ ħaddieħor; minn min ried jabbuża minn ħaddieħor; minn min ried jagħti l-impressjoni li l-manija tas-superjorità tiegħu hi leġittima.

Konvinċiment morali

M’hemm xejn leġittimu b’ebda kompetizzjoni. Ħadd m’għandu għalfejn jikkompeti ma’ ħadd. Soċjetà ġusta mhijiex soċjetà kompetittiva, fejn għandek bilfors ir-rebbieħa u t-telliefa. F’soċjetà ġusta, ħadd ma jitlef u kulħadd hu rebbieħ.

Ħafna jikkonvinċu lilhom infushom li, fis-soċjetà kompetettiva tagħna, huwa d-destin tagħhom li jitilfu dejjem, u ta’ oħrajn li jirbħu dejjem. Dan hu falz. Ħadd m’għandu destin bħal dan. Id-destin naħdmuh aħna jew ukoll, bosta drabi, jaħdimulna ħaddieħor. Imma qatt ma hu immutabbli. Jista’ jinbidel.

Dan ma jfissirx li hu faċli. Is-soċjetà kompetittiva tant saret parti mill-psike tagħna, tant inkarnat ruħha fil-fibra tal-ħajja moderna, li mhuwiex faċli li tiġġildilha. Bniedem irid jibda mill-konvinċiment li mhijiex naturali jew immutabbli. Minn hawn jibda jasal biex jeqfilha u joħloq forma ta’ mentalità differenti.

Mentalità oħra

Il-forma mentali li tirbaħ il-kompetizzjoniżmu tiġi mit-twemmin li kulħadd għandu d-dritt tar-roqgħa tiegħu taħt il-kappa tax-xemx. Ħadd mhu anqas jew inferjuri minn ħadd, u ħadd mhu superjuri għal ħadd. Aħna lkoll għandna l-istess dritt għall-ħajja daqs ħaddieħor.

It-tieni, bniedem irid jikkonvinċi ruħu li għandu xi ħakma fuq id-destin tiegħu. Il-ġejjieni mhuwiex immutabbli u nistgħu nibdluh jekk biss irridu tabilħaqq. Dan it-twemmin iwassal għall-bidla u għal ġejjieni li nixtiequ aħna.

It-tielet, in-nuqqas ta’ kompetizzjoniżmu jfisser li nemmnu fil-ġustizzja. Jiġifieri li kulħadd għandu l-jedd li jkun kuntent f’din id-dinja, u li l-ġejjieni ta’ kulħadd għandu jkun miftuħ għall-hena.


https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?