Ir-reżurezzjoni tas-Sudan

Iltqajt mill-qrib ma’ wisq Sudaniżi biex ma nifraħx bl-aħħar żviluppi li seħħew f’dak il-pajjiż ta’ kobor enormi. Dan-nies iltqajt magħhom fil-ħarba tagħhom minn pajjiżhom, mill-vjolenza terribbli tad-dittatur Omar al-Bashir, u għalhekk aktarx f’xi wħud mill-agħar waqtiet ta’ ħajjithom. Ir-reżurrezzjoni ta’ pajjiżhom hi issa tama għalihom ilkoll.

Vjolenza bla tarf

Is-Sudaniżi kollha li qatt sirt naf, irġiel u nisa, kienu kollha refuġjati ġejjin, mhux mis-Sudan tan-Nofsinhar, imma mis-Sudan tat-Tramuntana, dik li għandha l-belt kapitali tagħha jisimha Khartoum. Dawn kollha kellhom stejjer tal-waħx x’jirrakkontaw, speċjalment jekk kienu mit-territorju madwar Darfur fil-punent tal-pajjiż.

L-istejjer kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom marbuta mal-milizji ta’ Omar al-Bashir, li kien ħataf il-presidenza tal-pajjiż fl-1989, eżatt tletin sena ilu, b’kolp ta’ stat. Dan kien wassal għal gwerra ċivili tal-waħx li, fi tmiemha fl-2005, is-Sudan tan-Nofsinhar inqata’ bħala pajjiż għalih, indipendenti għal kollox mis-Sudan tat-Tramuntana. Bejn l-1899 u l-1956, is-Sudan kollu kien maħtuf mill-Ingliżi, li ħakmuh b’id tal-ħadid u bi vjolenza kbira.

Il-ħruxijiet ta’ Omar al-Bashir smajt bihom ukoll meta kont għal ftit taż-żmien fil-punent tal-Etijopja. Hemmhekk ukoll, il-fruntieri mas-Sudan tat-Tramuntana spiss kienu mnikkta mill-milizji tad-dittatur. Kont smajt bosta stejjer ta’ invażjonijiet, imma, l-agħar, ta’ ġarr ta’ Etijopiċi bħala skjavi għal ġos-Sudan.

Tama min-nisa

Ftit aktar minn ġimgħa ilu, fil-11 t’April (2019), Omar al-Bashir tneħħa mis-setgħa u nżamm indefinittivament taħt arrest. Dan sar wara ġimgħat sħaħ ta’ protesti u rvelli fit-toroq ta’ Khartoum u nħawi oħra. L-aktar ħaġa tal-għaġeb f’dan kollu hi li dawk ta’ fuq quddiem nett li ġabu dil-bidla kienu nisa. B’kuraġġ kbir u kontra perikli mortali, dawn ħarġu fit-toroq, ipprotesta, xewxu lil ħaddieħor, u saflaħħar wasslu l-militar jaġixxi kontra Omar al-Bashir.

In-nisa li pprotestaw kienu l-ommijiet, l-aħwa, in-nisa, iz-zijiet u x-xebbiet tal-irġiel fl-armata, il-postijiet tax-xogħol, id-dipartiment tal-gvern u f’kull rokna oħra tal-pajjiż. Kien għalhekk li l-leħen tagħhom instama’ hekk qawwi u b’mod mill-aktar effettiv.

Iżda barra minn hekk, l-irġejjen Sudaniżi ta’ Nubja, l-isem qadim tas-Sudan, kellhom tradizzjoni ċentenarja ta’ azzjoniżmu, kultura u emanċipazzjoni. Dawn jissejħu ‘Kandaka’, u issa reġgħu sabu leħenhom, is-saħħa tagħhom, u l-qawwa li jaġixxu b’determinazzjoni, kuraġġ u direzzjoni.

Qawmien mill-ġdid

It-tama hi li s-Sudan tat-Tramuntana ma jerġax jintelaq għal xi dittatur ieħor. Mill-Indipendenza tiegħu fl-1956 lil hawn, is-Sudan ra diversi kolpi ta’ stat u dittaturi. Kbir daqs l-Ewropa tal-punent kollha mill-Portugall san-Norveġja, b’popolazzjoni ta’ 40 milljun ruħ, is-Sudan huwa s-16-il akbar pajjiż tad-dinja. L-akbar għajn ta’ dħul finanzjarju tal-pajjiż jiġi miż-żejt.

Is-Sudan hu pajjiż sinjurun, b’riżorsi naturali bla qies, b’poplu ħabrieki u għaqli, b’kultura millennarja ... imma li Omar al-Bashir ġabu għarkobbtejn bil-vjolenza bla sens, b’korruzzjoni bla tarf u b’taħwid politiku mingħajr waqfien. Hu mhux biss ġiegħel lill-poplu tiegħu jbati, imma saħansitra jmut.

Il-mogħdija mid-dittatura għad-demokrazija—għax din hi li r-rivoluzzjonarji jridu—mhijiex se tkun faċli. Jeħtieġ ħafna maturità politika, imma fuq kollox dixxiplina. Bħalissa Khartoum jinsab f’konfużjoni kbira. Li għandu tajjeb li t-tradizzjoni ta’ nies edukati u kulturali, speċjalment nisa, jista’ jistrieħ fuqha għall-gwida u d-direzzjoni.

Jalla dal-pajjiż kbir u importanti fin-nofs ta’ fuq tal-Afrika, li jmiss ma’ seba’ pajjiżi oħra, b’ġenb minnhom mal-Baħar l-Aħmar, isib l-istabbilità tiegħu u jġib il-mistrieħ u l-paċi għall-poplu tiegħu kollu. Jalla d-dulur tiegħu jkun għal dejjem ħaġa tal-passat! Ammen!


https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?