L-Eġittu jagħraf il-‘grande figure’ ta’ Malta

Manwel Dimech (1860–1921) qed jissokta jiġi bil-mod il-mod magħruf lil hinn minn dak l-għeluq ideoloġiku u reġjunali li kkaratterizza l-bidu tat-tixrid tiegħu. Sar ħafna xogħol f’dan il-proċess diffiċli. Fil-Ġżejjer Maltin, Dimech ġie addottat minn naħa waħda biss tal-firxa politika, u r-rikonoxximent minn xi studjużi kien biss bħala personaġġ ta’ sinifikat lokali. Dawn iż-żewġ attitudnijiet għamlu ħsara kbira—u ma kinux jixirqu—lit-tifkira u l-apprezzament li kien jixraqlu. Madankollu, issa dawn l-attitudnijiet bdew iċedu għal għarfien usa u aktar għani. Dak li ġara dan l-aħħar jixhed għal dan.

Ktieb kbir ta’ 434 paġna bil-Franċiż maħruġ Lixandra, l-Eġittu, mis-Centre d’Études Alexandrines (Iċ-Ċentru tal-Istudji Lixandrini), jagħraf lil Dimech bħala ‘une grande figure de Malte’ (personalità kbira Maltija) f’waħda mill-kitbiet li jinkludi. Il-ktieb, Alexandrie dans la Première Guerre mondiale (Lixandra fl-Ewwel Gwerra Dinjija), huwa parti minn serje msemmija ‘Alexandrie Moderne’ (Lixandra Moderna) diretta minn Dr Marie-Dominique Nenna. Huwa editjat minn Dr Jean-Yves Empereur, u jġib għadd ta’ kontribuzzjonijiet minn studjużi differenti. Il-partijiet li l-aktar jittrattaw ma’ Dimech huma mħejjija minn Cécile Shaalan, studjuża fil-Ministeru għall-Kultura tal-Eġittu, li tispeċjalizza fit-topografija u kartografija.

Il-ħruġ uffiċjali tal-ktieb sar f’Pariġi, Franza, u f’Lixandra madwar Novembru u Diċembru li għadda rispettivament biex ifakkar il-100 sena mit-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija. Iż-żewġ attivitajiet sieħbu wirjiet ta’ dokumenti, kartolini, ritratti u biċċiet minn gazzetti tal-epoka, kollha marbuta mal-ħajja f’Lixandra matul l-Ewwel Gwerra, inkluż dik tas-suldati barranin u l-priġunieri tal-gwerra. Il-wirjiet tħejjew miċ-Ċentru għall-Istudji Lixandrini tal-Eġittu flimkien mal-Univerità Senghor, u ġew ippreżentati mill-Istitut Franċiż tal-Eġittu ġewwa Lixandra.

L-interess tal-organizzaturi f’Dimech ġie mill-eżilu u l-karċerazzjoni tiegħu f’Lixandra u l-Kajr bejn l-1914 u l-1921. Eluf ta’ priġunieri oħra mill-Qawwiet Ċentrali kienu miżmuma hemmhekk tul il-gwerra. Dimech miet fl-isptar ta’ dak li qabel kien il-Kulleġġ Victoria, ġo Lixandra, fis-17 t’April tal-1921.

Il-kitba mħejjija minn Cécile Shaalan tagħraf fiċ-ċirkustanzi ta’ Dimech bħala ‘każ mhux tipiku’ (un cas atypique). Ir-riċerka wiesgħa tagħha fuq il-kampijiet tal-Alleati għar-refuġjati, il-priġunieri u l-internati, kif ukoll fuq il-faċilitajiet mediċi f’Lixandra, tidħol f’dettalji kbar waqt li tistħarreġ il-lokalità, l-istruttura, il-popolazzjonijiet, it-tmexxija u d-dewmien tagħhom.

Il-kampijiet għall-priġunieri militari u l-internati ċivili, tgħid Shaalan, bdew jidhru f’Lixandra fl-aħħar tal-1914. Filwaqt li l-miżmuma kienu l-aktar Torok, Ġermaniżi, u Awstro-Ungariċi, wara nġiebu għadd kbir ta’ refuġjati mill-Palestina u s-Sirja. Jikbru u joktru skont l-għadd tal-popolazzjonijiet tagħhom, dal-istrutturi temporanji bdew jokkupaw l-ispazji kollha miftuħa tal-belt, li kienet hi stess qed tiżviluppa, kif ukoll il-madwar tagħha fil-lvant u l-punent, u b’hekk inbidlet id-dehra tagħha għal aktar minn sitt snin.

Skont Shaalan, Dimech f’ebda wieħed mill-kampijiet li fihom kien miżmum ma kien jifforma parti minn xi grupp magħruf ta’ priġunieri jew internati. “Ma integra ma’ ebda komunità,” tinnota din l-istudjuża Eġizzjana, “u ma kien hemm ebda Malti ieħor fost il-miżmuma” (p. 74). Il-każ tiegħu, tasal biex tikkonkludi, hu wieħed ‘atypique’ (mhux tipiku) għax kien miżmum f’kampijiet tal-priġunieri tal-gwerra mingħajr qatt ma kien.

Dimech inżamm fi tliet kampijiet tal-priġunieri. L-ewwel f’Ras el-Tin (Lixandra) bejn Jannar u Mejju tal-1915, imbagħad f’Kasir el-Nil (il-Kajr) bejn Jannar tal-1917 u Diċembru tal-1918, u fl-aħħar f’Sidi Bishr (Lixandra) bejn Diċembru tal-1918 u Diċembru tal-1920. Wara dan, meta kien marid mejjet, ġie ttrasferit għall-Kulleġġ Vittorja, li minħabba l-gwerra kien inbidel fi sptar, immexxi mill-Indjani. Dimech baqa’ hawn sakemm miet. Shaalan tispekula li, minflok hawnhekk, Dimech seta’ kien fl-Isptar Generali Indjan ta’ Mhow, ukoll f’Sidi Bishr (p. 73). Dan l-isptar kien għadu attiv żgur għall-anqas sa Mejju tal-1921.

Dan is-suġġeriment huwa interessanti, u jista’ jiġi mistħarreġ f’aktar dettall. Ikun parti mill-istudji dejjem għaddejja fuq Dimech. Dawn jistgħu jibbenefikaw b’diversi modi mill-pubblikazzjoni eċċellenti li pproduċew l-akkademiċi Eġizzjani. Ngħidu aħna, il-partijiet fuq il-faċilitajiet mediċi f’Lixandra tul l-Ewwel Gwerra Dinjija, u fuq il-kampijiet li fihom kien miżmum Dimech, jistgħu ċertament jipprovdu tagħrif siewi fuq il-kundizzjonijiet li fihom inżamm Dimech. Bl-istess mod, il-parti fuq l-imkejjen tad-dfin, u fuq iċ-ċimiteri ta’ Lixandra fl-istess żmien jistgħu jiswew mitqlu deheb għall-istudji Dimechjani. Sal-lum għadna m’aħniex ċerti fuq fejn f’Lixandra, eżattament, ġie midfun Dimech.

Il-pubblikazzjoni l-ġdida fiha wkoll għadd kbir ta’ ritratti tal-epoka, mapep, kartolini, u xbihat oħrajn, inkluż xi wħud tal-kampijiet li fihom inżamm Dimech għal aktar minn sitt snin, jew mill-priġunieri li kienu miżmumin hemm miegħu. Kollha huma interessanti ħafna.

F’dal-ktieb, Dimech hu mogħti taqsima għalih waħdu. Ebda priġunier ieħor, fost l-eluf li kienu f’Lixandra tul l-Ewwel Gwerra Dinjija, ma jingħata daqstant. Dan hu sinifikanti ħafna fih innifsu, għax ikompli joħroġ għad-dawl―din id-darba fuq l-awtorità affidabbli ta’ esperti Eġizzjani mmexxijin mill-ogħla livelli xjentifiċi ta’ riċerka―kemm Dimech ġie ttratt b’mod irrazzjonali u kattiv. Kif ukoll illegalment. Għax wara l-1918, meta f’Malta l-liġi marzjali ġiet irtirata, l-eżilju u l-karċerazzjoni tiegħu ma baqgħux aktar leġittimi.

Hu għalhekk li f’dal-ktieb Dimech jispikka, u għaliex il-każ tiegħu jitqies bħala ‘atypique’. Cécile Shaalan tagħraf dan mija fil-mija. Fil-parti li tiddedika lil Dimech, hija tagħti ħarsa lejn il-fażijiet tal-inkarċerazzjoni tiegħu fil-kampijiet tal-gwerra, tistħarreġ fil-qosor il-pretest għala kien inbagħat fl-eżilju (jiġifieri li taparsi kien spjun tal-Ġermanja), u tqis ukoll l-istat mentali tiegħu waqt l-inkarċerazzjoni. Dan kollu hu mogħti fil-qosor, għalkemm bir-reqqa.

Kulmin jinteressawh l-istudji Dimechjani ma jistax ma jifraħx b’dan il-volum sabiħ Eġizzjan maħruġ minn istituzzjoni tant prestiġjuża bħalma hu ċ-Ċentru ta’ Studji Lixandrini. Il-fatt li Dimech ġie inkluż fih bl-inizzjattiva ta’ dan iċ-Ċentru, u, minbarra dan, jagħtuh attenzjoni speċjali fost kulħadd, jgħid ħafna fuq kemm huma żbaljati dawk li, kif hawn xi wħud f’Malta u f’Għawdex, ma jistmawx lil Dimech daqskemm jistħoqqlu.

Tabilħaqq, jeħtieġ isir aktar biex Dimech jiġi miftum mill-politika partiġġjana, u biex jingħatalu stat ta’ livell nazzjonali. Iċ-Ċentru Dimech li hu maħsub li jiftaħ il-Belt fil-post tat-twelid tiegħu jista’ jgħin ħafna f’dan ir-rigward.

Għalkemm Dimech qed jiġi bil-mod il-mod magħruf lil hinn minn xtutna, hawnhekk f’art twelidu―li għaliha bata’ l-eżilju u l-mewt―xieraq li jingħata ġieħ akbar.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fit-Torċa f'suppliment tal-14 t'April tal-2019 li jfakkar it-98 sena mill-mewt ta' Manwel Dimech.
For an English version of this article, press here.



https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?