Ir-rebħa tax-xellug

L-elezzjonijiet Ewropej li saru l-bieraħ taw tweġiba ċara lil dawk kollha li bassru li x-xellug kien dieħel għal daqqa ta’ ħarta kbira. Did-daqqa ta’ ħarta ma ħadiex. Seta’ mar aħjar, tabilħaqq, imma b’daqshekk ma jfissirx li għamel xi disfatta. Bil-kontra ngħid. Ngħid li x-xellug għamel rebħa fuq il-kruha tal-lemin estrem li hedded liċ-ċiviltà Ewropea kollha.

L-agħar theddida

Dawn kienu elezzjonijiet li aktarx, għall-ewwel darba minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn, il-lemin estrem—jew, biex insejħulu b’ismu, il-faxxiżmu—reġa’ għolla rasu tant li donnu stħajjel li għandu s-sopravent. Il-faxxiżmu f’kull pajjiż ippretendih dan, inkluż fil-Gżejjer Maltin.

Minkejja din l-arja li rabba f’dawn l-aħħar snin, arja li biha ried li jbeżża’ lil kulħadd, il-faxxiżmu xorta waħda wera li m’għandux l-appoġġ tal-popli Ewropej. Dawk li jagħtuh appoġġ jaraw fih xi għamla ta’ soluzzjoni salvaġġa għall-problemi li jeżistu, imma das-soluzzjonijiet ma jemminx fihom min jara aktar fit-tul.

Il-faxxiżmu qatt ma kellu soluzzjonijiet, u qatt ma jkollu. Il-faxxiżmu għandu l-għajjat, it-theddid, tat-tbeżżigħ u l-isfruttament. B’dawn dejjem jagħmel l-arja. Imma flok ikun parti mis-soluzzjoni, dejjem kien u jibqa’ parti mill-problema. Il-faxxiżmu hu gidba politika.

Il-ħrejjef tal-faxxiżmu

Minkejja dan, il-faxxiżmu jimpressjona għax jagħti x’wieħed jifhem li jaf x’inhu jgħid. L-esaġerazzjonijiet tiegħu, in-nuqqas ta’ rispett tiegħu, in-nuqqas ta’ ġieħ li jagħti lid-demokrazija, huma lkoll parodija tal-politika. Il-viżjoni tiegħu hi dejjem ibbażata fuq il-mibegħda, il-firda u s-settariżmu. Dawn qatt ma jistgħux jikkwalifikaw bħala programmi politiċi. Huma biss ħsejjes mingħajr sustanza.

Dan ma jfissirx li l-faxxiżmu mhuwiex perikoluż. Anzi, huwa perikoluż immensament. Dan għax dejjem huwa lupu li jiġi liebes ta’ nagħġa; dejjem jaħbi d-dwiefer tiegħu; dejjem jitfa’ daħka fuq snienu. Il-faxxiżmu ma tista’ tavdah qatt, għax is-setgħa li jikseb dejjem jabbuża minnha biex jaħqar, iweġġa’ u jġerraħ.

Dal-elezzjonijiet tal-bieraħ urew li l-faxxiżmu ma jikkonvinċix daqskemm jippretendi jew jgħid li jikkonvinċi. L-elettorat mhuwiex, wara kollox, mazzun daqskemm jagħmluh il-faxxisti. Huwa elettorat li jaf jofroq bejn dak li hu sewwa u dak li mhuwiex; u jaf li l-faxxiżmu mhuwiex is-sewwa żgur.

Twemmin sħiħ

Ix-xellug politiku fl-Ewropa mhuwiex magħmul mill-qaddisin mixjin fl-art, biex inkunu ċari. Imma hemm differenza kbira bejn il-politiċi tax-xellug u l-faxxisti. Għall-anqas tal-ewwel iħaddnu prinċipji li jħarsu lil kulħadd l-istess, u jkabbru l-opportunitajiet għall-Ewropej kollha. Ix-xellug ma jġellidx u ma jifridx; ma jibbażax ħsiebu fuq il-mibegħda u l-qtigħ ta’ qalb.

L-elettorat Ewropew, f’pajjiżna daqskemm fl-Ewropa, wera f’dal-elezzjonijiet li għadu jħares lejn il-prinċipji xellugin bħala tama għal ġejjieni sabiħ għaċ-ċittadini Ewropej; għadu jħares lejn il-viżjoni xellugija bħala mogħdija xierqa li fiha jitħarsu l-libertajiet ċivili u politiċi ta’ kulħadd.

Dar-riżultati jagħmlu l-qalb lil dawk kollha li setgħu kienu qed jaqtgħu qalbhom mill-ġejjieni tax-xellug; kienu qed jibżgħu li l-elettorat ma kienx qed jifhem biżżejjed il-periklu li l-faxxisti kienu qed joffri lid-demokrazija li l-Ewropa tgħożż; kienu qed jinħasdu mill-ħsejjes li l-faxxisti kienu qed jagħmlu bl-għajjat vojt tagħhom.

Ħarsien għall-ġejjieni

Issa jafu li l-Ewropa ma tridx faxxiżmu, anki jekk il-faxxiżmu għadu problema fi ħdanha. L-Ewropa xellugija ma tistax tieqaf milli tgħasses fuq il-ġejjieni tagħha jekk trid li jkun wieħed imsejjes fuq id-demokrazija, il-libertà u l-ugwaljanza.

Jalla dawk kollha li issa jinsabu fil-Parlament Ewropew, inkluż ir-rappreżentanti Maltin, qatt ma jinsew kemm huma prekarji l-valuri tar-rispett u d-dinjità umana, u kemm jeħtieġ l-isforz ta’ kulħadd biex jitħarsu għall-ġenerazzjonijiet ġejjiena.


https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?