TALLINJA ― Ħadd ma jista’ għalina!

Mhumiex il-ħaddiema li jaħtu; hija l-kumpanija u min imexxiha li jaħtu tal-inkonvenjenzi u saħansitra tat-tbatijiet imposti fuq dawk li jużaw it-trasport pubbliku. Il-kumpanija donnha ħadd ma jista’ jtejbilha s-servizzi li tagħti. Tirrapporta għalxejn! Tilmenta għalxejn! X’irid isir biex Tallinja tkun kumpanija aktar responsabbli?

Lil min jaqdi dmiru sew

L-ewwel ħaġa li rrid ngħid hawnhekk hija grazzi kbira lil dawk il-ħaddiema tal-kumpanija Tallinja, Maltin u barranin, li, minkejja kollox, jibqgħu jagħmlu dmirhom bl-akbar kuxjenza, b’rispett lejn il-pubbliku u b’attenzjoni u għaqal. Dawn in-nies niltaqgħu magħhom kuljum, għall-anqas min juża t-trasport pubbliku, u nafu kemm jistħoqqilhom l-apprezzament u l-gratitudni tagħna.

Oħrajn, però, sħabhom fuq l-istess xogħol, le! Xi wħud ma jagħmlu ebda sforz biex jaħbu jew għall-anqas iqiegħdu fil-ġenb il-frustrazzjoni tagħhom li tkun ġejja mill-kundizzjonijiet ħżiena tal-impjieg tagħhom. Għala għandu jeħel il-pubbliku ma’ rashom? Xi wħud minn dawk li n-nies jiltaqgħu magħhom kuljum huma psatas, arroganti u suppervi man-nies. Dan mhuwiex sew.

Imma nerġa’ nisħaq u ntenni, biex żgur ma niftiehemx ħażin: fil-biċċa l-kbira tagħhom, ix-xufiera tal-korozza tal-linja huma nies ġentili, kortiżi u paċenzjużi. Nies bħali jafu kemm ix-xogħol tagħhom mhuwiex ħafif, kemm l-impjieg tagħhom hu antipatiku, u kemm iridu saħħa fiżika u mentali biex jaqdu dmirhom ... u eppure jagħmluh, u jagħmluh tajjeb. Grazzi!

Għarukaża ta’ servizz

Il-kumpanija Tallinja, però, b’mod ġenerali trid dawra żur minn hemm! Kemm il-kundizzjonijiet li timponi fuq il-ħaddiema tagħha, speċjalment ix-xufiera tal-karozzi tal-linja, kif ukoll is-sistema tas-servizzi tagħha huma fi bżonn kbir ta’ professjonalità u kompetenza akbar. Ħafna mill-ħaddiema ġew imġiegħla ma jħobbux, la lill-kumpanija, u wisq anqas lil xogħolhom, u b’hekk jaħdmu fuq żaqqhom, mingħajr grazzja u b’attitudni li ddarras.

Ħafna mis-servizzi, f’diversi lokalitajiet, huma mill-agħar. Karozzi li ma jaslux fil-ħin, karozzi li ma jaslu qatt, karozzi maħmuġin, karozzi difettużi jew imkissrin ... dawn huma biss xi wħud li l-pubbliku jrid ta’ kuljum jagħlaq għajnejh għalihom u jissaportihom.

Għala? Għax għalxejn tirrapporta. Tista’ timla’ elf karta u tagħmel miljun rapport. Kollox jibqa’ eżattament l-istess bħal qabel. Meta tkellem lix-xufiera, jgħidulhom li mhux tort tagħhom, jew li huma m’għandhomx x’jaqsmu, u tabilħaqq. Allura t-tort ta’ min hu? Min għandu x’jaqsam?

Fejnha r-responsabbiltà?

Tallinja saret qishom kumpanija pubblika li m’għandha ebda wiċċ, ebda widna u ebda għajn. Lil min se tkellem? Lil min tista’ tgħid biex itejjeb is-servizz? Lil ħadd! Kulħadd donnu jfarfar f’dil-kumpanija; kulħadd iweħħel f’denbu. In-nuqqas ta’ responsabbiltà lejn il-pubbliku li jbati l-inkonvenjenzi u t-tbatijiet hija impressjonanti u inskużabbli.

Safejn naf jien, m’hemm ebda membru tal-parlament li juża l-karozzi tal-linja kuljum, u allura jaf x’għarukaża ta’ servizz jingħata l-pubbliku. Imma dawn għandhom ikunu jafu li parti importanti u sostanzjali mill-ħajja ta’ kuljum tal-kostitwenti tagħhom għandha x’jaqsam, diżgrazzjatament, ma’ Tallinja. Huma dan ma jaffettwahomx; imma lill-kostitwenti tagħhom, iva.

Il-membri tal-parlament ma jistgħux iħarsu n-naħa l-oħra. Huma wkoll iridu jieħdu responsabbiltà ta’ servizz li qed jiġi miċħud lill-pubbliku. Xi ħadd irid iżomm lil din il-kumpanija responsabbli. Il-pubbliku ma jistax. Jekk ma jkunux il-membri tal-parlament jew il-ministru, ma jkun ħadd.

Jeħtieġ li s-servizzi pubbliku jitjieb. Jeħtieġ li jkun hemm aktar ‘accountability’ fuq das-servizz li jingħata b’tant u tant difetti, inkonvenjenzi u ksur ta’ obbligazzjoni. Li kumpanija f’kuntatt bħal dan ta’ kuljum man-nies ma jista’ għaliha ħadd, m’huwiex sew.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?