Ewropa mingħajr xellug

Darba niftakar li kellna mejda d-dar tgħidx kemm kienet bis-sens. Kienet magħmula fi tnejn biex, jekk wieħed ried itawwalha, kemm jiġbed iż-żewġ t’iġnub minn xulxin u jdaħħal biċċa żejda f’nofshom. Ħuti u jien, ta’ tfal li konna, darba qgħadna nilagħbu ma’ dil-mejda biex intawluha. Mingħajr ma neħħejna xejn minn fuqha, ġbidniha u, f’daqqa waħda, il-ġnub għolew, in-nofs niżel u kollox tkaxkar u tkisser fiċ-ċentru!

Il-valur

Dil-istorja tibqa’ tiġini f’moħħi meta nilmaħ Ewropa li fiha kull politika, il-lemin daqskemm ix-xellug, ikomplu jsiru parti mill-istess ċentru. Kollox jitkaxkar għan-nofs; mingħajr ġnub. L-għażla donnha qed issir waħda dejjem aktar omoġenea, indistingwibbli u insipida. X’jiġifieri dan? Ifisser li ċ-ċentru hu biered kemm jista’ jkun biex moħħu jkun biss fir-riżultati konkreti tal-prosperità.

Darba Einstein kien qal: Tfittixx li tkun bniedem ta’ suċċess, imma bniedem ta’ valur. U għandu mnejn l-istess jista’ jingħad fuq il-filosofija politika tal-Ewropa tal-lum: hija tfittex is-suċċess, imma valur ma fihiex. Il-biċċa l-kbira tal-Ewropej donnhom qed togħġobhom dil-filosofija, għalkemm aktarx mhumiex qed jhewdnu wisq fuq jekk hemmx futur wara s-suċċess.

l-elezzjonijiet Ewropej li għaddew la rebbaħ lil-lemin, kif donnu kulħadd beża’, u lanqas rebbaħ lix-xellug, kif bassar kulħadd; rebbaħ biss liċ-ċentru. Lanqas l-estremi, tal-lemin daqskemm tax-xellug, mid-dehra m’għadhom idawru wisq irjus. Iċ-ċentru qed iwiegħed riżultati, suċċess, prosperità. Għalih!

Iċ-ċentriżmu

Mur għid lil Mintoff li la se jibqa’ Ewropa t’Abel u lanqas Ewropa ta’ Kajin! Se jibqa’ biss Ewropa ta’ ... Ta’ xiex? Ta’ min?

Ta’ ħadd! Dan hu l-punt kollu. Jiġifieri li kulħadd, mingħajr ideoloġiji, mingħajr lemin u xellug, jingħaqad ma’ ‘moviment’ wieħed (jekk trid issejjaħlu hekk) li jfittex biss il-prosperità. Moviment ċentrista. Moviment li ma jinpurtah minn xejn għajr ir-riżultati tas-suċċess.

Sabiħa kemm tidher sabiħa, dil-filosofija politika taħbi imma kbira: li f’daċ-ċentriżmu ma jistax jintefa’ kulħadd. Jista’ jintefa’ biss min jista’, min hu produttiv, min hu kapaċi jtellaq. Mill-bqija, min mhuwiex hekk, irid jara x’se jagħmel għax se jinbeżaq ’il barra mill-korsa. ‘Jew tiġri magħna,’ donnhom jgħajtu ċ-ċentristi kollha, ‘jew warrab.’

Mhux biss, imma t-twarrib ta’ min jtellaqx hija parti mill-mekkaniżmu tas-suċċess. Għax min itellef għandu jitwarrab, joqgħod fil-ġenb jew jara x’se jagħmel. Is-suċċess ma jistax jittollera gambetti, defiċjenzi jew umaniżmi. Irid biss saqajn tajba ħa jtellqu.

Xellug b’bidu ġdid

Hemm ukoll il-moralità taċ-ċentriżmu. Għax dan isostni li kull filosofija politika oħra li mhijiex ċentrista, jew li hi xellugija jew leminija, hija kriminali; jiġifieri, ittellef is-suċċess, ittellef it-tellieqa tal-oħrajn. ‘Jew tilgħab magħna,’ ikomplu jisħqu ċ-ċentristi, ‘jew ittellef.’ Iċ-ċentriżmu m’għandu ebda tolleranza għal min mhuwiex pro-suċċess, pro-prosperità.

L-elezzjonijiet Ewropej li għaddew donnhom qed juru attitudni li m’hijiex se ddur lura wisq malajr. Ir-rotta li tqabbdet, jiġifieri dik li jinxteħet kollox għaċ-ċentru, li jitwarrab kulma hu b’xi mod tendenzjali jew prinċipat, donnha hi għat-tul. Hi attitudni li qed tissaħħaħ u li qed issir aktar persistenti.

Dan kollu hu sfida kbira għax-xellug li aktarx irid jerġa’ jibda jipprova jippolitiċizza s-suq u s-sistemi demokratiċi. Irid jerġa’ jibda jipprova jiskopri l-wiċċ ġdid tal-aljenazzjoni u jagħtiha ismijiet ġodda. Fuq kollox, irid jerġa’ jibda jipprova jkun il-leħen tal-imwarrab, il-misruq u l-imgħaffeġ.

Ewropa mingħajr xellug hi bħal dimensja politika: eżistenza li la għandha imgħoddi u wisq anqas ġejjieni. Ewropa mingħajr xellug hi għalqa għal-logħob tal-karriristi, l-ispekulaturi u l-isfruttaturi.


https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?