Il-gwerra kummerċjali

L-Imperatur Donald Trump, karru fil-karnival ta' Viareggio, l-Italja,
f'Marzu tal-2019.
F’Mejju li għadda, is-sit soċjali Twitter ħa sehem f’xi ħaġa mingħajr preċedenti: kien il-bidu ta’ speċi ta’ gwerra bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u ċ-Ċina. Dil-gwerra hi kummerċjali. Dak li bdiha kien il-president tal-Istati Uniti, Donald Trump. L-iskop: biex iċ-Ċina tħallas aktar fuq l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet lejn u mill-Istati Uniti.

Siti soċjali

Is-sit Twitter aktarx qatt ma kien maħsub li jintuża b’dal-mod. B’mod ġenerali, ebda mexxej tad-dinja ma kien jiżvela l-politika tiegħu b’das-sit jew xi ieħor bħalu. L-anqas biss ma kienu l-mexxejja jew nies imlaħħqin f’xi gvern iqis sit bħalma hu t-Twitter bħala xi ħaġa serja biżżejjed biex huma joqogħdu jiktbu fuqu.

Donald Trump, il-president tal-Istati Uniti tal-Amerika, biddel dan kollu. Kulmeta jfettillu, Trump beda jikteb fuq Twitter personalment, u dan mhux biex jikteb xi sentenza li ma jkollhiex wisq sustanza, imma biex jikkomunika biċċiet importanti tal-politika tiegħu. Trump ta dimensjoni oħra, mhux biss lis-siti soċjali bħal Twitter, imma wkoll lill-mod kif il-mexxejja tal-pajjiżi jqisu u jużaw das-siti.

Infatti, meta Trump beda juża Twitter biex jiżvela biċċiet tal-politika tiegħu, mexxejja oħrajn bdew jagħmlu l-istess. Huma wkoll bdew, b’mod popolista għall-aħħar, jitfgħu fuq das-siti kummenti u fehmiet li bihom għamlu lil das-siti soċjali pjataforma tagħhom. Kemm dan hu tajjeb, ma nafx. Naf li aktar ma l-politiċi jinjoraw xi ħaġa, aktar dik ix-xi ħaġa għandha ċ-ċans li tibqa’ ma tiġix irrovinata.

Effetti globali

Trump għamel kumment fuq Twitter kontra ċ-Ċina f’Mejju li għadda u, minn dak il-jum ’l hawn, bdiet dik li qed tissejjaħ ‘gwerra kummerċjali’. Din mhijiex gwerra b’armi u l-armamenti li mdorrijin biha, imma hi gwerra xorta waħda, li tista’ tagħmel ħsara bla qies, jekk mhux fiżika, għall-anqas finanzjarja, politika u soċjali.

Infatti, xi wħud qed isostnu li, minn Mejju ’l hawn, f’dawn l-aħħar xahar u nofs, diġà l-effetti globali ta’ dil-gwerra qed jinħassu. Qed jgħidu li dawn l-effetti se jkomplu jikbru max-xhur. Filwaqt li Trump qed jisħaq li jrid ikabbar il-gwerra kummerċjali kontra ċ-Ċina, iċ-Ċina, min-naħa l-oħra, donnha qed jinjora kull sforz biex xi ħadd iġellidha mal-Istati Uniti tal-Amerika.

Din tal-aħħar trid il-gwerra maċ-Ċina, jew għall-anqas il-president tagħha jrid, biex iċ-Ċina żżomm postha fil-qafas tal-ekonomija dinjija, u tħalli lill-Istati Uniti tmexxi hi l-affarijiet. Iċ-Ċina, però, mingħajr ma trid tneħħi lil ħadd minn ġol-peltruna tas-sewwieq, għall-anqas mhux espressament, qed tkabbar il-ħidma tagħha biex hi stess issaħħaħ il-qagħda tagħha fis-suq dinji.

Aħjar il-ftehim

Jekk dil-gwerra tkompli, mhumiex se jkunu nvoluti biss l-Istati Uniti u ċ-Ċina. F’din l-istorja jista’ jidħol bil-mod il-mod kulħadd hekk kif il-gwerra tibda taffettwa s-suq dinji kollu. Tista’ taffettwa l-ekonomiji tad-dinja billi huma wkoll jibdew jintlaqtu mit-tariffi u t-taxxi li l-Istati Uniti qed tinsisti li għandhom jiġu mħallsin lilha għall-kummerċ li jsir magħha.

Is-suq dinji, għalkemm ma jiddependix biss fuq dak Amerikan, naturalment hu marbut ħafna miegħu. Madankollu, Trump m’għandux jinsa, kif donnu qed jagħmel, li jekk inaffar ċerti pajjiżi minn mal-Amerika, hemm ir-Russja li lesta tagħmel tajjeb għalihom. Hekk l-Amerika titlf il-qagħleb u l-ġbejna, għax mhux biss ma trażżanx it-tkabbir tas-suq Ċiniż, imma tagħti sehemha għat-tkabbir ukoll tas-suq Russu.

Ħafna ekonomi Amerikani qed iwissu lil Trump biex joqgħod pass lura f’dil-gwerra, imma mid-dehra l-pariri tagħhom ma tantx qed jimpressjonawh. Trump donnu għadu jaħseb li l-pjazza hi kollha ta’ pajjiżu u li ħaddieħor jew jilgħab miegħu jew ma jilgħab xejn. Bħal dejjem, ikun aħjar jekk jitgħallem jiftiehem u jiddjalogu milli jisfida u jimpika.

L-istampa t'hawn fuq: L-Imperatur Donald Trump, karru fil-karnival ta' Viareggio, l-Italja, f'Marzu tal-2019.


https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?