It-traġedja tar-refuġjat

Il-politika tal-President Amerika Trump li jsaħħaħ l-isforzi biex anqas u anqas refuġjati jidħlu l-Istati Uniti kabbret it-traġedja umana fl-Amerika Latina kollha, iżda wkoll reġgħet tellgħet għall-attenzjoni tad-dinja t-traġedja tar-refuġjat kullimkien fid-dinja. Fil-Mediterran daqskemm fl-ibħra ta’ Arafura u Timor fit-tramuntana tal-Awstralja, kif ukoll fuq l-art fil-kontinenti kollha, dit-traġedja tissokta waqt li l-bniedem jagħmel dak li dejjem għamel: jivvjaġġa.

L-isfida dinjija

Xi wħud jgħidu li aktarx il-bniedem, bħal kull annimal ieħor, qatt ma kellu jibqa’ marbut ma’ post wieħed biss għal ħajtu kollha. Minn dejjem ried jivvjaġġa; jimxi minn post għall-ieħor; jgħix f’ambjenti differenti. Malli qagħad f’post wieħed, malli beda jibni l-bliet, hemmhekk beda l-inkwiet. Ġew il-liġijiet li ma jħalluhx jivvjaġġa, u ġiet ukoll l-isfida għal dawk il-liġijiet.

Sal-lum dil-isfida ma waqfet qatt. Kullimkien fid-dinja, minn fuq ibħra, muntanji, deżerti u xmajjar, il-bniedem jibqa’ jisfida l-liġijiet li jridu jżommuh marbut ma’ post wieħed u jrażżnuh milli jfittex ħajja aħjar f’imkejjen oħra. Xi wħud jivvjaġġaw għax sforzati mill-ġwerra, il-ġuħ u l-persekuzzjoni.

L-iskala ta’ dal-moviment huwa ta’ miljuni. Huwa kkalkulat li hawn bħalissa madwar 66 miljun refuġjat madwar id-dinja: kważi 5 miljuni fl-Ewropa biss, kważi 3 miljuni fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq, kważi 5 miljuni oħra fil-bqija tal-Afrika, kważi 4 miljuni fl-Asja u l-Paċifiku, u kważi miljun fl-Ameriki.

Fil-Messiku

Dar-ritratt li jidher hawn fuq dil-ġimgħa kexkex lid-dinja. Juri l-imsejkna Oscar Martinez u bintu t’anqas minn sentejn, Valeria, mgħerrqin fl-ilma tax-xmara Rio Grande ta’ bejn Texas, fl-Amerika, u l-Messiku, ftit il-bogħod minn Ciudad Juarez u El Paso. Dawn kienu refuġjati minn El Salvador li mietu waqt li qed jaqsmu x-xmara għall-Amerika illegalment.

Ir-ritratt ittieħed mill-ġurnalista Julia Le Duc u ġie mxandar fil-gazzetta Messikana La Jornada t-Tnejn li għadda. Mill-ewwel, ir-ritratt inxtered mad-dinja kollha bħala għelm tat-traġedja tar-refuġjati tad-dinja kollha. Oscar u Valeria mietu fl-ilmijiet qawwija ta’ dix-xmara enormi. Ir-ritratt tqabbel m’ieħor terribbli daqsu, jekk mhux aktar minnu, taċ-ċkejken Sirjan Alan Kurdi mejjet wiċċu ’l isfel f’xatt il-gżira Griega ta’ Kos tliet snin ilu.

Niftakar meta mat-tmien snin ilu jien stess kont ma’ wħud mir-refuġjati Latino Amerikani f’Ciudad Juarez, mhux wisq il-bogħod minfejn instabu mejta Oscar u Valeria. It-tbatijiet ta’ dan-nies li tkellimt magħhom la kienu vvintati, la kapriċċużi u lanqas żgħar. It-traġedja kienet tidher fil-kisra t’għajnejhom.

L-ewwel għin

L-iskala ta’ dit-traġedja twerrċek. Sitta u sittin miljun ruħ bla dar, bla art, bla ġejjieni, bla sigurtà u bla ħarsien, fosthom miljuni ta’ nisa u tfal, turi li l-problema mhijiex sempliċiment kwistjoni tal-mument. L-ivvjaġġar ta’ bil-fors mhijiex moda. Tmur fil-qiegħ tal-kundizzjoni umana. Hi sinjal kemm tan-natura nomada tal-bniedem, imma tal-kattiverja u l-ħdura tiegħu wkoll meta jġiegħel lil ħadieħor jaħrab.

Għalkemm f’pajjiżna xi wħud jesaġeraw bla qies l-għadd tar-refuġjati li jispiċċaw fuq xtutna, ħafna ma jsibux f’qalbhom rokna ta’ ħniena jew karità għal nies f’ħarba mwerwra. Bosta joħorġu biss bi kliem ta’ ġudizzja jekk mhux ukoll ta’ kundanna. Ħafna jpoġġu kunsiderazzjonijiet intelliġenti qabel ma joħorġu l-id tal-għajnuna.

Quddiem it-traġedja umana m’hemmx kunsiderazzjonijiet; l-ewwel għin, imbagħad irraġuna. Il-bniedem li qed isofri b’kull mod immaġinabbli ma jridx paroli, teoriji jew twemminijiet. Irid daqqa’ t’id. Dan hu dmir kull bniedem lejn ħaddieħor, ibda minni u minnek.


https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?