Il-ħares ta’ Hong Kong

Il-ħares ta’ Hong Kong reġa’ tfaċċa dil-ġimgħa. Ħafna drabi jibża’ min-nies. Imma xi kultant jagħmel il-qalb u joħroġ kemxejn rasu. Dejjem jipprova jirkeb. S’issa ma rnexxilux. Imma qatt ma jaqta’ qalbu għal kollox; u qatt m’hu se jaqta’ qalbu. Minn hawn jew minn hemm, se jibqa’ jipprova biex tgħaddi tiegħu. Jiddependi biss min-nies.

Ammirevoli

In-nies dil-ġimgħa ħarġu bi ħġarhom biex il-ħares li jheddidhom—jiġifieri ċ-Ċina—jerġa’ jidħol f’qoxortu. F’għeluq it-tnejn u għoxrin sena minn mindu l-Britanniċi għaddew liċ-Ċina dil-gżira, id-difensuri tad-drittijiet ħielsa kellhom iqabbdu qrunhom ma’ ta’ dawk li heddewhomlhom. S’issa Hong Kong tidher li m’hix qed iċċedi għall-pressjoni kontinwa taċ-Ċina. Kemm tista’ ddum?

Huwa tal-għaġeb kemm in-nies ta’ Hong Kong huma reżistenti. Din tifhimha għax jinsabu mheddijin il-ħin kollu li l-liberajiet li ġew imdorrijin li jgawdu jintemmewlhom ħesrem hekk kif iċ-Ċina timponi r-rieda tagħha fuqhom. Jafu xi jfissru liberajiet u jafu wkoll xi jfisser jasar. Huma jagħżlu tal-ewwel.

Daċ-Ċiniżi ta’ Hong Kong huma tabilħaqq ammirevoli. Hija tal-għaġeb il-qawwa, il-persistenza u l-perseveranza tagħhom quddiem it-theddida Ċiniża. Minkejja li jidhru li huma kburin li huma Ċiniżi, ma jridux li jkunu tat-tip li qishom magni robotiċi bla moħħ u bla qalb.

Estradizzjonijiet

Il-Gran Brittanja ħalliet Hong Kong f’idejn iċ-Ċina, bħalma kien il-ftehim, tnejn u għoxrin sena ilu. Il-kawża tal-inkwiet li nqala’ dil-ġimgħa huwa liġi Ċiniża ġdida li trid tagħmel aktar faċli l-estradizzjoni tan-nies ta’ Hong Kong għaċ-Ċina. Dan ifisser li ħadd aktar ma jibqa’ fiż-żgur f’Hong Kong, imma jista’ jsib ruħu mneħħi u mibgħut iċ-Ċina b’ta’ fuqu senduqu mingħajr spjegazzjoni jew avviż ta’ xejn.

Tifhimha li ħaġa bħal din, għalkemm tidher xi ħaġa ċkejkna, jista’ jkollha effetti bla qies; fuq kollox, il-qerda tal-libertajiet kollha li jgawdu bħalissa n-nies ta’ Hong Kong. Attenzjoni għal bidliet ċkejkna bħal dawn fil-liġi jew fil-prattika Ċiniżi hija t’importanza bla qies għad-difiża tal-libertajiet ta’ Hong Kong. Huma l-bidliet iċ-ċkejkna l-agħar bidliet, għax ma jintebaħ bihom ħadd sakemm ikun tard wisq.

Imma n-nies ta’ Hong Kong huma attenti. U bir-raġun. Għax hemm ħajjithom fin-nofs. Għalissa, bil-protesti li għamlu fit-toroq, in-nies irnexxielhom jpoġġu dil-liġi kerha u qarrieqa fil-friża. Imma dan mhuwiex biżżejjed għalihom. Iriduha mneħħija għal kollox. Għal dan qed jibqgħu jipprotestaw minkejja l-oppressjoni u l-vjolenza Ċiniża.

Solidarjetà

Il-popolazzjoni ta’ Hong Kong hija ta’ 7 miljuni u nofs. Hafna minn dan-nies illum ma jiftakru kważi xejn mill-preżenza Britannika tal-gżira tagħhom. Ma jiftakrux kif, minħabba l-għeluq ta’ kuntratt maċ-Ċina, il-Britanniċi kellhom irodduh l-gżira lura. Din kienet ilha taħt idejhom mill-1945. Ħafna nies ta’ Hong Kong ma ridux għax beżgħu mill-ħakma Ċiniża, iżda ma setgħu jagħmlu xejn.

Kollox ma’ kollox, il-biżgħat tax-xettiċi tnejn u għoxrin sena ilu kienu xi ftit jew wisq fiergħa. Hong Kong baqgħet tgawdi l-libertajiet normalment assoċjati mal-Punent. Madankollu, dan ma jfissirx li dal-biżgħat intemmu għal kollox. Anzi. Dal-ħares Ċiniż li jhedded il-libertajiet għadu hemm; u kif!

Xi kultant, bħalma ġara dan l-aħħar, iċ-Ċina terġa’ jfettlilha tqajjem lil dal-ħares u tħallih joqros fil-laħam il-ħaj. Ħafna drabi, dan jidher li jsir biex jiġu ttestjati s-sensibbiltajiet tan-nies; biex jaraw għadhomx imqajmin jew le. S’issa, dan-nies dejjem urew li huma mqajmin sew, u li ma jridux lil min ibgħabsilhom mal-libertajiet tagħhom.

Dan lanqas aħna ma rriduh. Għalhekk ninsabu solidali man-nies ta’ Hong Kong. Alla jberikhom!

https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?