Il-provinċjaliżmu Ewropew

Ftit jiem ilu saru l-ħatriet għall-aqwa ħames uffiċċji tal-Unjoni Ewropea. Il-proċess li wassal għall-ħatriet suppost kellhom mill-anqas juru bil-qawwa kollha mhux biss x’għaqda kien hemm f’din l-imbierka Unjoni, imma wkoll kemm kiber u saħħaħ il-kunċett u l-ideal Ewropew innifsu. Imma l-proċess la wera l-waħda u lanqas l-oħra. Anzi, wera x’firda kerha hemm fost l-imsieħba tal-Unjoni kif ukoll x’provinċjaliżmu ikreh jsaltan f’moħħhom u f’qalbhom.

Biża’ li sparixxa

Il-gvernijiet Ewropej għamlu minn kollox biex l-estremisti politiċi fl-Ewropa ma jirkbux ir-riħ fl-elezzjonijiet għall-parlament Ewropew li saru ftit tal-ġimgħat ilu. Il-biża’ kbir tagħhom kien li dawn l-estremisti se jagħmlu kisbiet kbar kullimkien fl-Ewropa, u l-parlament ikun hekk mimli bil-kandidati tagħhom li jqajmu fl-Ewropa t-theddida faxxista.

Għalkemm il-biża’ kien kemm għall-estrem xellugi daqskemm għall-estrem lemini, kien l-aktar minn dan tal-aħħar li l-gvernijiet Ewropej riedu jilqgħu. Huma basru li r-rebħiet tal-estremisti fl-elezzjonijiet kien se jdgħajjef lill-istess gvernijiet, lill-istituzzjonijiet Ewropej u lit-tmexxija Ewropea.

Minn dan kollu xejn ma ġara. L-estremisti mhux biss m’għamlux kisbiet, imma saħansitra f’diversi nħawi marru lura. Il-moderati u ċ-ċentristi għad għandhom il-pjazza, u l-gvernijiet ħadu r-ruħ. Mhux biss ħadu r-ruħ, imma wkoll biddlu l-logħba tagħhom għall-ħatriet tal-aqwa ħames uffiċċji tal-Unjoni Ewropea.

Bidla kburija

Il-gvernijiet il-kbar Ewropej li ħasbu li l-elezzjonijiet parlamentari kienu se jġibuhom b’id waħda quddiem u l-oħra wara refgħu rashom meta raw li l-biżgħat tagħhom ġew fix-xejn. Il-gvernijiet ta’ Franza, il-Ġermanja, Spanja u l-Italja, bl-appoġġ ta’ gvernijiet oħrajn anqas b’saħħithom, iddeċidew li, la darba kien għad għandhom is-snien, riedu li l-uffiċċji jkunu okkupati min-nies tagħhom.

Dil-bidla fl-attitudni ġabet diżgwid kbir fost il-gvernijiet Ewropej għax il-kbar fosthom daru għal xulxin u flok fittxew l-akbar glorja tal-Ewropa, intefgħu għal provinċjaliżmu tal-biki. Mhux biss m’ingħaqdux bejniethom, iżda saħansitra kulħadd beda jiġbed għax xawwatu.

Dawk l-istess nies li tant iħobbu jippriedkaw l-Ewropiċità tagħna lkoll urew li huma stess mhumiex paladuni tal-Ewropiċità u kulma jħobbu hu l-provinċjaliżmu ċkejken tagħhom. L-ideal kbir tal-Ewropa waħda u magħquda hija aktar montatura milli realtà.

Ħolma fantastika

Il-president tal-kummissjoni Ewropea issa se ssir Ġermaniża taċ-ċentru-lemin. Il-president tal-kunsill Ewropew se jsir il-Prim Ministru ċentru-xellugi tal-Belġju. Il-president tal-bank ċentrali Ewropew se ssir avukata ekonomista ċentru-leminija Franċiża. Il-president tal-parlament Ewropew se jsir ġurnalista ċentru-xellugi Taljan. Ir-rappreżentant għoli tal-Unjoni għall-affarijiet barranin u s-sigurtà se jsir wieħed ċentru-xellugi Spanjol.

Wieħed ma jistax ma jinnotax kif it-torta nqasmet bejn il-kbar: il-Ġermanja, Franza, l-Italja u Spanja. Dawn huma l-Ewropa! Ma jidher li hemm post għal ħadd aktar. Bejniethom jaqsmu l-bejgħa. Għalkemm il-miżien huwa kemxejn imxaqleb lejn iċ-ċentru-xellug, il-post ewlieni hu miżmum miċ-ċentru-lemin. Kollox imqiegħed bħal warda.

L-ideal Ewropew, hekk kif joħolmu bih xi wħud, huwa biss fl-immaġinazzjoni u l-fantasija. Sfortunatament, jidher li hu l-provinċjaliżmu u s-settariżmu li għandu l-akbar maħbubin. Barra minn hekk, mhemmx post għaż-żgħar: l-Ewropa b’saħħitha hija l-Ewropa tal-kbar biss; iż-żgħar iridu jimxu wara l-oħrajn u joqogħdu għalihom.

Sabiħa kemm hi sabiħa l-ħolma li xi darba l-Ewropa tkun magħquda b’kull imsieħeb ugwali daqs l-oħrajn, għalissa ma jidhirx li teżisti jew li tista’ teżisti xi mkien malajr fil-qrib. Din hija ħolma li teżisti f’moħħ ir-romantiċi biss; ir-realisti (kif iħobbu jsejħu lilhom infushom) m’għandhomx ħolm bħal dan; għandhom biss l-ambizzjoni li jibqgħu minn fuq jew, aħjar, li ma jmorru qatt minn taħt.

Viva l-Ewropa!



https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?