It-Turkija f’Ċipru

Il-kwestjonijiet bejn it-Turkija u Ċipru mhux biss iġibu ma’ wiċċna xi realtajiet tal-Baħar Mediterran, kif ukoll ta’ pajjiż li bħalna hu ċkejken u gżira u bħalna kien kolonja Britannika. Iġib ukoll ma’ wiċċna l-inkapaċità tal-Unjoni Ewropea li, bil-paroli kollu tagħha, mhijiex kapaċi tressaq il-kwestjonijiet għal xi tip ta’ soluzzjoni suriet in-nies.

L-inkwiet f’Ċipru

Bħalissa għaddejja waħda kbira bejn it-Turkija u Ċipru. Wieħed jiftakar kemm daż-żewġ pajjiżi ilhom bl-inkwiet ma’ xulxin. It-Turkija taħkem fuq nofs Ċipru; Ċipru jkollu jaċċetta dil-ħakma. Niftakru wkoll kemm kien diffiċli għaċ-Ċiprijotti Griegi li jinqatgħu minn mal-Ingliżi, jiksbu l-indipendenza u jibqgħu ma jinbelgħux mit-Torok.

Il-qasma ta’ Ċipru ilha xewka f’dahar il-Mediterran għal ħafna għexieren ta’ snin. Iżda wieħed irid ma jinsiex li t-Turkija wkoll hija pajjiż tal-Mediterran, u li jekk il-Mediterran għandu jkollu l-ġnus kollha ta’ madwaru magħquda fi ftehim ma’ xulxin, allura dan għandu jinkludi kemm lil Ċipru daqskemm lit-Turkija.

It-triq ta’ bejn dawn iż-żewġt iġnus, bħalma għall-ġnus l-oħra kollha tal-Mediterran, hija tad-djalogu, il-ftehim u s-sliem. Imma Brussell, min-naħa l-oħra, ħlief jhedded ma nafx. Taħseb li tista’ ssolvi xi ħaġa b’dat-theddid u s-sanzjonijiet. Brussell ma tafx kif jaħseb il-Mediterran; madankollu tilgħabha tal-brava u trid tiddetta—bla ebda riżultat pożittiv—dak li jidhrilha li hu l-aħjar.

Il-medjazzjoni ta’ Malta

Il-każ ta’ bejn it-Turkija u Ċipru—jew aħjar, il-każijiet—għandhom jagħtu opportunità tajba lil Malta biex tagħti sehemha għall-ftehim ta’ bejniethom skont l-għażla newtrali tagħha. Dan ifisser li Malta tuża s-saħħa li għandha sabiex, mingħajr ma xxaqleb lejn ebda naħa, tħabbeb lil daż-żewġt iġnus bejniethom ħalli jsibu soluzzjoni għall-problemi ta’ bejniethom.

Għandu mnejn li dan li għadni kemm għedt joħroġ tbissima mingħandek. Għax tgħidli: Huwa Malta se ssolvi problemi li l-Unjoni Ewropea ma jirnexxiliex issolvi. Jien ngħidlek: Tassew li Malta mhijiex kapaċi ssolvi problemi bħal dawn ... imma mhux għax mhijiex kapaċi ssolvihom l-Unjoni Ewropea. Malta aktarx mhijiex kapaċi sssolvihom għax m’għandx għandha rispett fil-politika barranija tagħha.

Ix-xogħol ta’ medjazzjoni bejn il-ġnus jista’ jsir biss minn min igawdi r-rispett ta’ kulħadd; rispett morali daqskemm offiċjuż. Dan tal-aħħar għandna, iva, għax ta’ bilfors; imma tal-ewwel niddubita ħafna. Kien xi żmien, bil-Perit Mintoff, meta Malta kienet tgawdi r-rispett tal-ġnus ta’ madwar il-Mediterran, imma dak iż-żmien donnu għadda u spiċċa għal dejjem.

L-għerf Mediterran

Malta lanqas biss m’għadha tieħu inizzjattivi interessanti fil-qasam tal-politika barranija. Fil-fatt, naħseb li nistgħu ngħidu li lanqas biss għandna politika barranija. Għandna politika barranija tal-ħafna laqgħat u konferenzi u żigarelli u ‘parties’, imma mbagħad fejn niġu għas-serjetà aktarx m’għandna xejn.

Dan jiġi mill-fatt li l-Unjoni Ewropea, bil-medjokrità u n-nuqqas t’immaġinazzjoni kollha tagħha, ħakmet l-inizzjattivi tagħna, għall-anqas f’dal qasam. L-Unjoni ma tafx tħabbeb il-ġnus, għall-anqas bħat-Turkija u Ċipru; u lanqas ma taf titgħallem mill-imgħoddi, għax ma tafux, jew tħalli lil xi ħadd minn fost l-‘aħwa’ Mediterranji jagħti s-sehem tiegħu.

Fil-fatt, l-Unjoni ma tafx il-Mediterran; ma tafx lill-ġnus tiegħu; ma tifhimx kif jaħsbu niesu; ma tagħrafx kif jingħaqdu ma’ xulxin, kif jiġġieldu jew kif jitħabbu. Taf biss tħares lejn il-Mediterran bl-għajnejn Ewropej tagħha, u tara biss affarijiet statiċi, riġidi, legalistiċi u formali — kollha ħwejjeġ li aħna l-Mediterranji ftit nistmawhom.

Il-kwistjoni bejn it-Turkija u Ċipru tissewwa, tabilħaqq, imma għaliha trid l-għerf Mediterran.


https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?