Iċ-Ċiniż t’għada

Għal min irid jaħseb fid-dinja t’għada pitgħada ma jistax jinjora liċ-Ċina. Dak li l-Amerika hi llum, dak li l-Gran Brittanja kienet il-bieraħ, iċ-Ċina se tkun għada pitgħada. Hija l-imperu ekonomiku li jmiss. Kif eżattament se jiġri dan jista’ jkun li għadu mhuwiex magħruf bl-eżatt. Imma l-għaqal jgħidilna li jkun jaqblilna li naħsbu minn issa għaċ-Ċina li daqt tkun.

Nevitaw l-iżballji

Wieħed mill-aqwa għamliet ta’ kif nistgħu nibdew inħejju lill-ulied iż-żgħar u liż-żgħażagħ tan-nazzjon Malti huwa billi ngħallmuhom iċ-Ċiniż. Għalissa dan jidher li mhuwiex għal kollox meħtieġ. Imma żgur li se jkun meħtieġ dalwaqt. Ma naħsibx li għandna noqogħdu nistennew il-waqt meta jkun tard wisq u jkollna nagħmlu kollox bil-frattarija. Nibdew minn issa ngħallmu lit-tfal iċ-Ċiniż ħalli, meta jasal il-waqt, isibuh għandhom.

Kulħadd jiftakar kif fis-snin sebgħin beda jiġi mgħallem l-Għarbi lill-istudenti kollha. Dan għaliex f’dak iż-żmien ġie mbassar—xi ftit jew wisq mingħajr bażi sodi biżżejjed—li s-suq Għarbi kien se jikseb importanza ċentrali. Għalhekk ġie maħsub biex iċ-ċittadini t’għada tagħna jkunu lesti bl-arma tal-ilsien Għarbi mħejjija għall-kummerċ.

Din l-importanza qatt ma spiċċat biex seħħet. Imma minkejja dan, xorta waħda għandna nitgħallmu mill-fatt li l-Għarbi fl-iskejjel tagħna kien daħal b’impożizzjoni mingħajr ma riedu ħadd u mingħajr ħadd ma fehem li għandu jridu. Saritlu wkoll oppożizzjoni politika għalxejn. Dawn l-iżbalji m’għandhomx jerġgħu jsiru jekk jibda jiġi mgħallem iċ-Ċiniż għas-suq t’għada.

Il-ħtieġa qed tqum

L-ilsien Ċiniż għandu jiddaħħal flimkien mat-tagħlim tal-kultura Ċiniża. L-istudenti għandhom jitgħallmu l-ġmiel ta’ dil-kultura u jagħarfu s-sbuħija tal-ilsien li jesprimiha. Il-kultura u l-ilsien għandhom jiġi mgħallma fl-istess waqt, imma wkoll mal-proġettazzjonijiet ekonomiċi li se jagħmlu l-ilsien Ċiniż meħtieġ għal min irid jibqa’ b’rasu ’l fuq minn wiċċ il-baħar kummerċjali t’għada.

Dal-ġejjieni kummerċjali li rridu jew ma rridux se nkunu parti minnu m’għandux ikun xi ħaġa ta’ kontestazzjoni jew ġlied politiku. Kulħadd għandu jaqbel li nħejju mill-aħjar li nistgħu għall-ħarsien tas-swieq Maltin u Għawdxin u għall-kisba tal-vantaġġi kummerċjali tal-interessi finanzjarji tagħna. Għalhekk kulħadd għandu jaqbel li l-ilsien Ċiniż hu meħtieġ mil-lum, u li m’għandux ikun hemm ġlied fuq it-tagħlim tiegħu.

F’dawn l-aħħar erbgħin sena, minn mindu ċ-Ċina biddlet is-sistema ekonomika tagħha bil-ftuħ għall-intrapriżi privati, it-tkabbir ekonomiku tagħha kien impressjonanti. Minn wieħed mill-ifqar pajjiżi tad-dinja saret it-tieni l-akbar ekonomija dinjija wara l-Istati Uniti tal-Amerika.

Inħejju minn issa

Madanakollu, filwaqt li l-ekonomija tal-Istati Uniti tal-Amerika qiegħda titħabat ma’ għadd ta’ xkilijiet li jiġu mill-kontradizzjonijiet li għandha s-sistema li tuża biex tkattar il-ġid, iċ-Ċina, b’sistema ta’ taħlit ta’ kontroll u ta’ libertà flimkien, kif ukoll b’diversifikazzjoni produttiva, kulma tmur qed tgħaddi minn suċċess għal suċċess u minn tkabbir għal tkabbir.

Xi darba, u dan jista’ ma jkunx wisq fil-bogħod, iċ-Ċina se tgħaddi lill-Istati Uniti tal-Amerika, u saħansitra teħdilha postha. Imbagħad, bħalma llum neħtieġu l-Ingliż bħala l-ilsien ewlieni tal-komunikazzjoni kummerċjali—sempliċiment għal fl-Istati Uniti, u fil-Gran Brittanja qabilha, jitħaddtu bl-Ingliż—għada pitgħada, meta ċ-Ċina tgħaddi lil kulħadd fil-ġid u l-produzzjoni, isir iċ-Ċiniż l-ilsien ewlieni ta’ kull transazzjoni kummerċjali.

Dan ġara qabel lill-Persjan, lill-Grieg u lil-Latin. Dawn l-ilsna ħadu s-sopravent meta ssaħħaħ l-imperu kummerċjali tagħhom permezz tat-teknoloġija li vvintaw. L-istess aktarx jiġri biċ-Ċiniż u ċ-Ċiniżi. Jien ngħid: ejjew inħejju minn issa qabel kulħadd.


Comments

  1. 1. "għada pitgħada, meta ċ-Ċina tgħaddi lil kulħadd fil-ġid u l-produzzjoni, isir iċ-Ċiniż l-ilsien ewlieni ta’ kull transazzjoni kummerċjali." L-istess kien jinghad ghal-Gappuniz fis-snin 80 pero aktar minn 30 sena wara ma sehhx hekk. Huwa difficli li c-Ciniz isir l-ewwel lingwa tad-dinja ghax jitlob wisq sforz ghal Ewropej kemm biex jigi mitkellem tajjeb (hija lingwa bit-toni) u biex jigi miktub (il-karattri jitolbu sforz akbar mill-ittri tal-alfabeti Ewropej).

    2. "Kulħadd għandu jaqbel li nħejju mill-aħjar li nistgħu għall-ħarsien tas-swieq Maltin u Għawdxin u għall-kisba tal-vantaġġi kummerċjali tal-interessi finanzjarji tagħna." Wiehed jibqa' miblugh li skont Fr. Mark Montebello, patri u filosofu, ir-raguni ewlenija ghaliex il-Maltin ghandhom jistudjaw il-lingwa u l-kultura Ciniza hija ta' natura ekonomika u kummercjali, jigifieri materjalistika u utilitarja. Qarrej jista' jahseb li qed jaqra artiklu ta' xi politikant u mhux filosfu u religjuz! Indipendenti mis-successi ekonomici, industrijali u teknologici tac-Cina f'dawn l-ahhar decennji, il-valur tal-istudju tac-Ciniz u l-kultura Ciniza ghandu jkun li jippermetti gharfien aktar profond ta' spiritwalitajiet u filosofiji morali li jipprovdu alternattivi validi ghal-Kristjanezmu mejjet jew moribond tal-Punent: jigifieri, il-Konfucjanezmu, id-Daoizmu u l-Buddizmu, kollha filosofiji bla Alla li jiksbu rilevanza gdida ghal Ewropej wara l-mewt tal-Alla Kristjan. Pero' patri Montebello, qabel kollox sacerdot, miftuh kemm jinghad li huma miftuh, ma jistax jippromwovi vizjonijiet tal-hajja u modi ta' hsieb li juru n-nuqqas ta' bzonn li wiehed jkun Kristjan biex ikun spiritwali, morali u filosofikament profond.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?