Il-ġirja fl-Amerika

Il-Partit Demokratiku Amerikan (jiġifieri l-partit tax-xellug) bħalissa qiegħed fil-proċess li jagħżel il-kandidat li, f’Novembru tas-sena 2020, jiġifieri sena u xahrejn oħra, jisfida lill-President Donald Trump, il-kandidat tal-Partit Repubblikan (jiġifieri l-partit tal-lemin), għall-uffiċċju tal-President. Il-proċess hu wieħed twil, ikkumplikat, antipatiku, imma perfettament demokratiku (bit-tajjeb u l-ħażin tal-kelma).

Għandu jitlaq?

Id-Demokratiċi kollha donnhom jaqblu li Trump m’għandux jibqa’ President tal-Istati Uniti tal-Amerika wara l-20 ta’ Jannar tal-2021 ’il quddiem. Jemmnu li dak in-nhar l-Amerika għandha jkollha President ġdid – wieħed mill-Partit Demokratiku. Għalihom Trump falla, u falla bl-ikrah, u jriduh iwarrab. Biex jiġri hekk, kandidat tagħhom irid jirbaħlu fl-elezzjoni ġenerali ta’ Novembru ta’ qabel. Jagħmel sens dan?

Għal ħafna, dan ma jagħmel sens xejn. Għalihom, speċjalment jekk huma tal-fehma repubblikana (jiġifieri konservattiva jew leminija), kollox ma’ kollox Trump għamel biċċa xogħol tajba, u għandu jibqa’ President tal-pajjiż għat-tieni mandat tiegħu, bħalma tagħtih il-jedd il-Kostituzzjoni Amerikana.

Kien jew ma kienx ta’ suċċess? Ejjew ngħidu li għamel ħafna minn dak li wiegħed li se jagħmel, ukoll dak li ħafna ma qablux miegħu mill-bidu. Imma b’mod ġenerali ma ddiżappuntax, u aktar mhuwiex se jiddiżappunta fis-sena u xahrejn li fadallu. Tħobbu jew tobogħdu, li qal li se jagħmel għamlu; minn daqshekk la gideb u lanqas qarraq.

Il-kejl tas-suċċess

Il-kejl tal-maġġoranza tal-Amerikani fuq il-President tagħhom huwa aktarx fuq kif jimxi fil-politika interna tiegħu. Aħna l-barranin niġġudikawh aktar fuq il-politika barranija tiegħu, li l-biċċa l-kbira tal-Amerikani bil-kemm jinteressaw irwieħhom fiha. Mil-lat tal-politika interna ta’ Trump, jidher li l-biċċa l-kbira tal-Amerikani huma kuntenti, speċjalment fejn għandhom x’jaqsmu s-saħħa, it-tassazzjoni u l-immigrazzjoni.

Mil-lat tal-politika barranija—li, kif għedt, ħafna mill-Amerikani ma tinteressaħhomx—Trump ukoll żamm il-wegħdiet tiegħu fil-biċċa l-kbira tagħhom. Ngħidu aħna, irtira, kif qal, it-truppi Amerikani mill-Afganistan, mis-Sirja u mill-Jemen, u ma ħoloqx gwerer ġodda. L-uniku diżappunt kbir naħseb li kien fir-relazzjonijiet ma’ Putin, il-mexxej Russu, li Trump kien wiegħed relazzjonijiet aħjar, imma ma ġewx.

Kollox ma’ kollox, insomma, juri li Trump mhuwiex riesaq lejn telfa elettorali f’Novembru tas-sena li ġejja. Jixtiequ kemm jixtiequ d-Demokratiċi, jiena naħseb li Trump mhux biss se jerġa’ jirbaħ, imma wkoll għandu mnejn jirbaħ b’vot popolari akbar mid-darba l-oħra.

Il-kandidati

Il-kandidati Domokratiċi li qed jikkontestaw il-ġirja tal-għażla tagħhom—f’dawk li jissejħu l-‘primarji’—hemm mat-23 kandidat. Għalkemm dawn jidhru ħafna, diġà jidher li xi wħud qed jinbeżqu ’l barra mit-tellieqa. Infatti jidher li, jekk ma jiġri xejn straordinarju (li jista’ jiġri kull ħin), huma sebgħa dawk li l-aktar baqa’ fil-ġirja.

Dawn huma, fl-ordni tal-aqwa fosthom: Bernie Sanders (ta’ 77 sena), Elizabeth Warren (70 sena), Pete Buttigieg (37 sena), Kamala Harris (54 sena), Joe Biden (76 sena), Beto O’Rouke (46 sena) u Cory Booker (50 sena). Dan juri li l-ġirja mhijiex miftuħa beraħ, għalkemm wieħed irid jgħid li għad fadal ħafna żmien biex jinbidlu l-affarijiet.

Hu x’inhu, għalkemm id-Demokratiċi se jagħmlu mill-aħjar li jistgħu biex jiġġieldu lil Trump fl-elezzjoni ġenerali li ġejja, ma jidhirx—għall-anqas fil-fehma tiegħi—li ħadd minnhom se jirnexxielu jirbaħlu. Għall-anzjani fil-lista t’hawn fuq, dik tkun it-temma tagħhom. Għal dawk li huma iżgħar—Buttigieg, Harris, O’Rouke u Booker—il-possibbiltà ta’ rebħa fl-2024 tikber sew.

Hu x’inhu, il-ġirja se tkompli.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?