Ir-riċerka

Dil-kelma tfakkar lil ħafna fil-ħidma ta’ xi nutar qabel xi kuntratt. U tagħmel tajjeb. Imma m’għandhiex tfakkar fin-nutara biss. Ir-riċerka hija l-ħobża ta’ kuljum ta’ ħafna kategoriji oħra ta’ nies, u wkoll qasam meħtieġ ħafna ta’ kull ħidma kummerċjali.

Min ifittex

Kulħadd jagħmel xi riċerka mingħajr ma jagħtih dan l-isem. Min jipprova jitkixxef fuq xi ħaġa jew xi ħadd, riċerka jkun qed jagħmel. Dil-kelma tiġi mil-Latin ‘circum’, li tfisser ‘iddur’; bħalma jagħmel xi ħadd meta jrid isib xi ħaġa. U hekk jagħmel kull riċerkatur ta’ kull tip: iħuf u jgħarrex ħalli jara jitkixxifx fuq xi ħaġa.

Kull studjuż huwa xi ftit jew wisq riċerkatur. Għax ifittex dak li qal dan u l-ieħor, jew inkella jfittex dokumenti miżmuma f’libreriji u arkivji ’l hawn u ’l hemm. Jien personalment nagħmel ħafna xogħol bħal dan tal-aħħar, kemm f’Malta u Għawdex kif ukoll f’pajjiżi oħrajn. Huwa parti mill-istudju li nagħmel u li jien imħarreġ għalih.

Ir-riċerka titlob ħafna paċenzja u attenzjoni. Tqalleb, tara x’issib, u timxi ftit ieħor; tqalleb, tara x’issib, u timxi ftit ieħor ... Dal-proċess tirrepetih eluf ta’ drabi, dejjem mingħajr għaġġla, dejjem b’għajnejn ta’ seqer, dejjem b’moħħ attent. Bl-għajja, bl-għaġġla, bil-frattarija, ma tista’ ssir ebda riċerka. Għax taħseb li fittixt sew u ma tkun fittixt sew xejn.

Il-moħħ il-ħaj

Huwa l-bniedem kurjuż li jagħmel ir-riċerka. Dil-kwalità hija meħtieġa f’kull bniedem għax iżżommu fuq ruħu u ħabrieki. Il-bniedem kurjuż irid dejjem ikun jaf aktar, ifittex aktar, jiskopri aktar, imur lil hinn minn dak li għandu u li jaf ... Il-bniedem kurjuż iżomm moħħ dejjem tfuli u żagħżugħ; moħħ li jrid dejjem jitgħallem; moħħ li jibqa’ jifraħ bil-ġdid, bil-misteru, bl-entużjażmu.

Il-bniedem li jieqaf ifittex qisu qata’ qalbu li jeżisti l-ġdid u s-sabiħ fil-ħajja. Hu bniedem li qisu jaf kollox diġà, li ma jinteressah xejn aktar, li skopra kollox u ma baqa’ xejn aktar x’jiskopri. Hu bniedem mejjet minn ġewwa. Għax mititlu l-kurżità; mititlu l-ħajra li jkompli jirriċerka.

Dak li għamel lill-bniedem l-aktar sofistikat fost l-annimali kollha hi proprju din: il-ħajra dejjem kbira tiegħu li jiskopri l-ġdid; li jibqa’ jirriċerka fejn kulħadd jaħseb li ma jista’ jsib xejn aktar; li jibqa’ jixxennaq għall-ġdid fil-misteru, għall-isbaħ fis-sabiħ, għat-tagħlim fost it-tagħrif, għall-għerf fost it-tagħlim.

L-annimal ħallieq

Il-bniedem ħaj, fuq ruħu, qatt ma jieqaf jirriċerka; qatt ma jieqaf ifittex; qatt ma jgħid ‘daqshekk’. Bniedem b’moħħ attent jibqa’ jħuf u jfittex li jitgħallem dejjem aktar. It-tagħlim jagħtih il-ħajja, għax il-kurżità tqajjem aktar kurżità, u t-tfittxija ma tieqaf qatt.

L-annimali l-oħra kollha, barra l-bniedem, ifittxu wkoll u jridu jkunu jafu; imma jagħmlu dan biex kollox jibqa’ l-istess; biex ma jinbidel xejn. Il-bniedem biss mhuwiex hekk mid-dehra: ifittex li jiskopri biex ibiddel, biex iġedded, biex joħloq, biex isaħħar lilu nnifsu bil-qawwa tat-tiġdid.

Hu b’hekk il-bniedem għamel minn did-dinja dar xierqa għalih. Mhux għax qagħad b’idu fuq żaqqu; imma għax ħareġ iħuf, jgħarrex u jfittex. Ir-riċerka primittiva daqskemm sofistikata dejjem mexxietu ’l quddiem lejn l-aħjar, l-isħaħ, l-oħla, l-aqwa. Dan hu l-bniedem inventiv: dak li ma jieqaf qatt; dak li jrid dejjem jimxi ’l quddiem; dak li jibqa’ jistaqsi.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?