Sabiħ li ċċedi

Għal ħafna nies li jsuqu din hi l-akbar dagħwa: li fit-triq, waqt li jkunu qed isuqu, iċedu lil ħaddieħor. Mela le! Mela ma jċedux! Jien naħsibha mod ieħor. Insuq il-mutur (karozza ma nafx), imma xorta waħda jidhirli li hu sabiħ iċċedi. Iva, sabiħ. Għax isebbaħ it-toroq daqskemm lis-sewwieqa.

Id-dritt

Bosta sewwieqa jaħsbu fuq il-karozzi jew l-inġenji tagħhom bħallikieku kienu armi. La darba jidħlu fihom jew jirkbuhom, qishom qegħdin f’żona ta’ gwerra, lesti għall-kumbattiment, b’moħħhom ingranat għall-forza. Il-kunċett mentali ewlieni ta’ dan-nies f’dal-waqtiet huwa d-dritt. Waqt li jsuqu jaħsbu f’termini ta’ min għandu d-dritt u min m’għandux.

Min jieħu dil-attitudni—l-attitudni tad-dritt—dejjem donnu jaħseb min għandu raġun jew dritt jagħmel ħaġa jew min m’għandux. Hawnhekk ma titħolx ħniena jew raġunar: bniedem jew għandu d-dritt jew m’għandux; jekk għandu, jieħdu, jekk m’għandux, ma jeħdux. Aktar: min jipprova jieħu d-dritta mingħajr m’għandu dritt għaliha, miskin hu jew hi.

Nies fit-toroq waqt is-sewqan il-ħin kollu jitmasħnu, jitbaqbqu jew jiġġieldu minħabba dil-attitudni tad-dritt li jdaħħlu f’moħħhom. Minħabba li, ovvjament, jiltaqgħu ma’ sewwieqa oħra bl-istess attitudni, u kulħadd jinterpreta d-dritt kif ifettillu hu jew hi, allura l-ħin kollu jinqagħu l-battibekki, in-nuqqas ta’ qbil u t-tilwim.

Skużi

Jista’ jkun li xi ħadd li jsuq il-mutur ma tantx jista’ jagħmel l-arja għax mutur dejjem bi żvantaġġ fuq it-triq. Imma jien naf nies li jsuqu l-muturi u xorta waħda jieħu l-attitudni tad-dritt. ‘La għandi dritt ngħaddi’ jew ‘La hi d-dritta tiegħi,’ jgħidulek, ‘allura ħaddieħor għandu jċedili; jiġri x’jiġri.’ U jdeffsu rashom u jibqgħu għaddejjin; u allaħares isibu lil min imerihom, għax ħoll xagħrek u ġib iż-żejt!

Ħafna nies ma jċedux għax jemmnu li d-dritt hu tagħhom u mhux ta’ ħaddieħor. Iċċedi għal dawn in-nies ifisser dgħufija; ifisser li tħalli lil ħaddieħor jagħmlek tapit tiegħu. Ħafna sewwieqa bl-attitudni tad-dritt iħossuhom imċekkna meta ħaddieħor jippretendi li għandhom iċedulu, li ma jimpikawlux jew li joqgħod għall-ebusija tar-ras tiegħu jew tagħha.

Xi wħud tismagħhom jgħidu, ‘Jien ma nċedix għax lili ħadd ma jċedili.’ Dar-raġunament ma nifhmux. Għax jekk int tqis li xi ħaġa hi ħażina, allura kif tagħmilha int ukoll. Jekk hi ħażina m’għandux jagħmilha ħadd, le? Tabilħaqq li ssib ħafna sewwieqa li ma jċedux, imma dan ma jfissirx li jien għandi nagħmel l-istess.

Pjaċir lilek innifsek

Jien insibha ħaġa sabiħa li nċedi lil ħaddieħor. Ma jinteressanix ħaddieħor iċedix jew le; jinteressani biss li jien dil-ħaġa sabiħa nħobb nagħmilha. Għax meta nċedi ma nkunx qed naħseb biss fija nnifsi, kif għandhom mnejn jagħmlu ħafna sewwieqa, imma fil-kuntenizza u l-paċi ta’ ħaddieħor. Jien nieħu gost nara s-sewwieqa l-oħra kuntenti daqskemm irrid li jien inkun kuntent waqt is-sewqan.

Hu wkoll sabiħ iċċedi waqt is-sewqan għax meta nċedi ma nkunx qed nagħmilha t’imħallef, imma ta’ vjaġġatur ugwali għal ħaddieħor. Moħħi, meta nċedi, ma jibqax jaħseb fid-dritt u d-dritta, ma jibqax legalista jew moralista, imma jaħseb f’termini ta’ paċi, ħlewwa u simpatija għal ħaddieħor u għad-dinja kollha.

Min iċedi waqt is-sewqan jinnervja anqas, jirrabja anqas, jieħu għalih anqas. Min iċedi waqt is-sewqan jieħu gost aktar isuq, ikollu ġurnata isbaħ, ikabbar l-umur tajjeb tiegħu, iħossu aktar fil-paċi.

Taħsibx li meta ċċedi fis-sewqan tkun qed tagħmel biss pjaċir lil ħaddieħor; l-akbar pjaċir tkun qed tagħmlu lilek innifsek.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?