Soluzzjoni waħda

Ma hemm qatt soluzzjoni waħda għall-istess problema. Qatt. Ħafna nies jippanikjaw jew ikollhom xi jgħidu ma’ ħaddieħor għax jagħmlu dan l-iżball komuni: jaħsbu li hemm biss soluzzjoni waħda għal xi problema partikulari li jkollhom; jekk din is-soluzzjoni ma jkunux jistgħu jwettquha, allura erħilhom jinkwetaw, jinnervjaw jew ukoll jiddispraw.

Qatt

Le. Qatt m’hemm soluzzjoni waħda għall-istess problema. Din il-massima tagħmel tajjeb għal kull problema, kbira jew żgħira li tista’ teżisti. Għalhekk, jaqbillek iżżommha sew f’moħħok dejjem. Problemi tiltaqa’ magħhom kemm trid (u kemm ma tridx ukoll). Moħħna dejjem xi ftit jew wisq jaħseb kif se nsolvuhom. Imma spiss jiġrilna li flok insolvuhom, nispiċċaw ninħarqu bihom.

Ħafna drabi dan jiġri għax naħsbu biss f’soluzzjoni waħda għal xi problema. Allura, jekk ma jirnexxilniex nilħqu dis-soluzzjoni, nindannaw u nirrabbjaw. L-iżball ikun tagħna, u tagħna biss; u hu żball komuni ħafna, li bosta nies jagħmluh għad-dannu tagħhom.

Dan aktarx jiġri minħabba li moħħna nkunu għażżinnih. Ma nħalluhx jimraħ kif irid. Ma nħalluhx jaħdem bil-potenzjal li għandu. Moħħna kapaċi jsib bosta soluzzjonijiet għall-istess problema, u jagħtina l-lussu tal-għażla wkoll; imma l-għaġġla tagħna, in-nervi tagħna, l-istinazzjoni tagħhna, u elf ħaġ’oħra, ma jħalluhx jiggwidana tajjeb lejn id-diversità ta’ problemi.

Dejjem

Kull problema dejjem għandha għadd ta’ soluzzjonijiet li jħolluha. Ikkumplikata kemm hi kkumplikata, diffiċli jekk hi diffiċli, kbira jew żgħira kif tkun, dejjem hemm aktar minn soluzzjoni waħda għal kull problema. Jista’ jkun li das-soluzzjonijiet ma jkunux kollha tal-istess ħeffa, jew tal-istess prattiċità, imma xorta jibqgħu soluzzjonijiet. Nagħmlu tajjeb, dejjem, jekk ma nwarrbuhomx quddiem problema.

Meta nimmaġinaw li hemm soluzzjoni waħda biss għal xi problema li jkollna, ħafna drabi nispiċċaw niġġieldu jew nikkumbattu mal-problema. Dan għaliex il-problema xi kultant tirreżisti s-soluzzjoni li nkunu għażilna. Dir-reżistenza neħduha bħala sfida, u hekk nispiċċaw ma nistgħu nsolvu xejn jekk mhux bi sforz kbir.

Dan l-imblokk li jillimitana għal soluzzjoni waħda biss jista’ jinħall bl-immaġinazzjoni. Konvinti li qatt m’hemm soluzzjoni waħda biss għal xi problema, allura nibdew inħaddmu l-immaġinazzjoni, il-fantasija u l-kreattività. B’hekk nintebħu li jeżistu aktar soluzzjonijiet, ħafna aktar milli qatt bsarna. Xi kultant, b’dal-mod nistgħu niskopru soluzzjonijiet ħafna eħfef jew aktar prattiċi mill-ewwel soluzzjoni li tkun ġiet f’moħħna.

Int

Il-problemi qegħdin magħna kuljum. Is-soluzzjonijiet ukoll. Li nlaqqgħu t-tnejn flimkien huwa x-xogħol li spiss irridu nagħmlu matul il-ġurnata. Imma moħħna rridu nżommuh miftuħ ħalli ma nillimitawx lilna nfusna fil-possibbiltà tas-suċċess. Mingħajr ma nagħtu ’l moħħna l-fakultà li jkun inventiv, inrażżnuh fil-qawwa u s-setgħa li għandu.

Meta tiltaqa’ ma’ problema, hi x’inhi, teħilx mal-ewwel soluzzjoni li tiġik f’moħħok. Ħu nota tagħha, imma tiqafx hemm. Ipprova sib soluzzjonijiet oħra; imqara dawk li jidhru banali jew stupidi. Minn hawn tista’ tiskopri soluzzjonijiet oħrajn li ma jkunux tant redikoli. Idea ġġib oħra; ħallihom jgħinuk tivvinta.

Il-bniedem li jżomm f’moħħu li qatt, qatt, qatt m’hemm soluzzjoni waħda biss għal kull problema jeħles għalih innifsu u għal ħaddieħor ħafna nkwiet u taħbit żejjed. Dan għax ma jinħeliex fuq ideat li ma jaħdmux; ideat li jkun iffissa fuqhom, imma li ma jroddulu xejn għajr ħela ta’ ħin.

Soluzzjonijiet dejjem hemm ħafna. Jiddependi minnek jekk issibhomx jew le.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?