Aħna sportivi?

Ħafna drabi, meta xi ħadd isemmi l-isport, nifhmu dik l-attività li tinvolvi xi taħriġ fiżiku li jsir jew għall-kompetizzjoni ma’ ħaddieħor jew għall-gost. Infatti, meta nistaqsu persuna hijiex sportiva jew le, dan li nkunu qed nifhmu, jiġifieri jekk dik il-persuna tagħmilx xi taħriġ fiżiku ma’ ħaddieħor jew weħedha. Imma hemm mod ieħor ta’ kif bniedem ikun sportiv, jiġifieri meta jkollu attitudni li biha jieħu l-ħajja b’serjetà mhux aktar milli jixirqilha.

Taħriġ fiżiku

Meta nistaqsi ‘aħna’ aħniex sportivi qed nirreferi għall-poplu Malti u Għawdxi b’mod ġenerali. Tassew li ħafna drabi ma jkunx xieraq li tiġġeneralizza. Minnu wkoll li dejjem issib l-eċċezzjonijiet kullimkien u f’kollox. Imma b’mod ġenerali naħseb li f’dan il-każ nistgħu tabilħaqq nitkellmu fuq il-poplu tagħna kollu kemm hu.

Il-mistoqsija tiegħi mhijiex jekk il-poplu tagħna, dejjem b’mod ġenerali, iħobbx jieħu sehem f’taħriġ fiżiku kompetittiv jew għall-gost. Naħseb li kulħadd, f’xi żmien jew ieħor, speċjalment meta kien żgħir jew iżgħar, kien jieħu sehem f’taħriġ bħal dan bil-ġiri, il-logħob tal-ballun, l-għawm, b’xi żiemel jew xi tip ta’ sport ieħor.

Imbilli lkoll kemm aħna ħadna sehem f’xi sport, hu liema hu, ma jagħmilniex sportivi. Jekk tinnota, jien m’iniex qed nistaqsi jekk qattx ħadna sehem f’xi sport, imma jekk aħniex sportivi. Kulħadd aktarx jieħu sehem f’xi sport f’xi żmien jew ieħor, imma ċertament mhux kulħadd hu sportiv. Dan jgħodd b’mod speċjali meta l-attenzjoni tagħna hi ġenerali fuq il-poplu kollu.

Atteġġjamenti

Li jinteressani hawnhekk huwa jekk aħna, bħala poplu, ġeneralment għandniex attitudni sportiva. Xi tkun timplika attitudni bħal din? L-ewwel nett nista’ ngħid li hi attitudni għax hija kundizzjoni tal-moħħ. Dan ifisser li hi ħaġa kostanti u kontinwa; mhijiex xi sentiment temporanju, kappriċċuż jew artifiċjali. Attitudni timplika atteġġjament fit-tul li għandu l-għeruq.

Meta nirreferi għal attitudni sportiva rrid ngħid li dan l-atteġġjament hu wieħed li ma jiħux kollox b’serjetà esaġerata. Xi kultant jieħu l-affarijiet b’ebda serjetà ta’ xejn. Dan isir għax ħafna affarijiet ma jistħoqqilhom li jittieħdu bis-serjetà. Is-serjetà li tingħatalhom tkun għal kollox falza, barra minn lokha jew ukoll sforzata.

Attitudni sportiva ma titlifx is-sens ta’ proporzjon u, għalhekk, tittratta l-biċċa l-kbira tal-affarijiet tal-ħajja b’ċerta leġġerezza. Mhux li ma tistmahomx; imma li ma tagħtihomx xi valur esaġerat, wisq anqas assolut. Din l-attitudni ma tqisx il-biċċa l-kbira tal-affarijiet bħallikieku kienu xi kwistjoni ta’ ħajja jew mewt.

Sportività

Jiena jidhirli li, b’mod ġenerali, il-poplu tagħna, le, mhuwiex sportiv f’dan is-sens li fuq qed nitħaddet hawnhekk. Il-biċċa l-kbira tagħan nesaġeraw fl-importanza li nagħtu lil ħafna affarijiet u, għalhekk, inqisuhom b’serjetà li ma jixraqx. Ħafna minna nqisu l-biċċa l-kbira tal-affarijiet li niġu f’kuntatt magħhom bħallikieku kellhom valur assolut li mingħajrhom id-dinja tinqered.

Dan ma jfissirx, kif diġà għedt, li ma neħdux sehem f’xi sport jew ieħor. Mitt darba u elf. Imma dan ma jagħmilniex sportivi. Lanqas xejn. Dan tista’ tinnutah f’diversi reazzjonijiet li l-biċċa l-kbira tagħna tagħmel għal sitwazzjonijiet komuni. Tarana nitmasħnu, nitilfu l-erre, niġġieldu u l-bqija. Nieħdu l-affarijiet b’serjetà li frankament ma tagħmilx sens.

Dan in-nuqqas ta’ sportività juri ruħu wkoll fin-nuqqas ta’ avventuriżmu li juru ħafna drabi l-biċċa l-kbira tagħna kemm fl-għemil kif ukol fil-ħsieb. Ma nażżardawx għax m’aħniex sportivi mentalment.

Jiena jidhirli li dan in-nuqqas ta’ sportività fil-karattru nazzjonali juri ħafna x’tip ta’ soċjetà ħloqna biex ngħixu fiha.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?