Il-ġimgħa tad-destin

Il-Gran Brittanja (GB) waslet fil-ġimgħa tad-destin tagħha fir-rigward tar-relazzjonijiet tagħha mal-Unjoni Ewropeja (UE). Wara snin ta’ inċertezza fuq dar-relazzjonijiet, issa waslet id-daqqa finali ... li, wara kollox, aktarx ma tkun id-daqqa finali xejn. Għax il-parlament Brittanniku jrid jerġa’ jingħata aktar żmien mill-UE biex jilħaq jaqbel fuq ftehim mal-UE li hu aċċettabbli għall-GB.

Diskussjonijiet interminabbli

Għal min bħali segwa l-aħbarijiet mill-parlament Brittanniku tul il-ġimgħa li għaddiet, ma setax ma jistagħġibx jew forsi jammirx bil-mod kif il-membri ta’ dal-parlament jagħmlu l-affarijiet. It-tul tad-deliberazzjonijiet tagħhom, ukoll meta dat-tul joħloq problemi governattivi jew politiċi, ma jinkwetahom xejn. Huma jieħdu l-ħin tagħhom u, jekk dan ma jwassalx, imorru għall-ħin barrani – darba, darbtejn, tliet darbiet u aktar.

Id-diskussjoni, però, ma tiqafx. Mhux biss, imma d-diskussjoni tibqa’ tidħol f’dettalji u rquqijiet impressjonanti li, fl-aħħar mill-aħħar, iwasslu biex jikkumplikaw is-sitwazzjoni dejjem aktar. Imma lanqas dan ma jinkwieta lill-membri tal-parlament Brittanniku, għax iqisuh dmir għalihom li jagħmlu dan, u jagħmluh bl-aktar mod kuxjenzjuż, irfinut u bir-reqqa.

F’dad-diskussjonijiet interminabbli fuq il-Brexit, jiġifieri fuq il-ħruġ tal-GB mill-UE, ma kienx hemm rokna waħda jew pulzier wieħed mill-istampa kollha ta’ dil-kwistjoni li ma ntessitx. Diġà tliet Prim Ministri ħabbtu rashom magħha u ħawdu moħħhom għaliha u, s’issa, għadha ma nstabitx is-soluzzjoni li tista’ tħoll l-għoqda kollha.

Fedeltà lejn in-nies

Waqt dad-diskussjonijiet wieħed ma jistax ma jinnutaw il-ferq qawwi li l-Brittanniċi jagħmlu bejn il-partiti politiċi, il-gvern, u l-poplu li hu irrappreżentat mill-membri tal-parlament. Dawn it-tliet oqsma jinżammu strettament mifruqa minn xulxin, u b’ebda mod ma jsir taħlit bejniethom. Dal-ferq jirrispettawh il-membri kollha, kif ukoll il-Prim Ministru.

Il-ferq jidher l-aktar meta jiġu għall-votazzjonijiet. Ma trid xejn biex, membru tal-partit konservattiv jivvota kontra l-gvern konservattiv. Mhux imbilli huma tal-istess partit. Lanqas imbilli huma t-tnejn fil-gvern. Il-vot jingħata f’fedeltà lejn il-kostitwenti l-ewwel u qabel kollox. Il-partit u l-gvern jiġu wara. Fuq kollox u fuq kulħadd hemm in-nies li huma irrappreżentati. U dan jifhmu kulħadd, inkluż il-Prim Ministru, u għalhekk ma jieħu għalih ħadd.

Mid-diskussjonijiet wieħed jintebaħ li r-rappreżentanza tal-elettorat hija suprema fil-parlament Brittanniku. Għalhekk jissejjaħ id-‘Dar tal-Komuni’ (House of Commons), jiġifieri tan-nies komuni, għax in-nies komuni, rappreżentati mill-membri li ħatru, jiġu l-ewwel f’kull kunsiderazzjoni li ssir mill-membri tal-parlament. Il-fedeltà ta’ dal-membri hija qabel kollox lejn in-nies li jirrappreżentaw, u la lejn il-partit, la lejn il-gvern u lanqas lejn il-Prim Ministru.

Domokrazija tassew

Dan jista’ ma jiftehimx wisq fostna. Għax aħna, il-partit fil-gvern u l-gvern huma aktarx ħaġa waħda, jekk mhux statutorjament, jiġifieri legalment jew kostituzzjonalment, għall-anqas fil-fatt u fil-konkret. Għalina, la darba l-elezzjoni għall-gvern jirbaħha partit partikulari, allura dak il-partit jieħu s-setgħa f’idejh u jħassar id-differenza li għandu jkun hemm bejn xi partit u l-gvern.

Infatti, il-membri tal-parlament tagħna għandhom il-fedeltà ewlenija tagħhom lejn il-partit li jirrappreżentaw u mhux lejn xi kostitwenti fid-distretti li eleġewhom. Il-membri tal-parlament fuq in-naħa tal-gvern, l-ewwel fedeltà tagħhom jorbtuha mhux man-nies li eleġewhom, imma lejn il-Prim Ministru u, wara dan, lejn il-partit li tiegħu jagħmlu parti.

Fil-GB dan ma jeżistix. Ir-rappreżentanza hija tabilħaqq rappreżentanza konkreta u reali. Mhijiex biss simbolika, bħalma hi fostna. In-nies komuni huma tabilħaqq, konkretament, prattikament u realment, irrappreżentati mill-membri li eleġew. Hu għalhekk li r-responsabbiltà f’dad-dikussjonijiet tal-Brexit tibqa’ tidher f’diskussjonijiet li donnhom ma jridu jispiċċaw qatt.

Meta xi darba jaslu, ikun rebaħ, mhux il-gvern jew xi partit, imma n-nies komuni. Hekk tkun demokrazija tassew.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?