Lejn il-qsim

Il-qsim hu l-attitudni li l-aktar jiġbidna llum. Li naqsmu ma’ ħaddieħor il-ġid li għandna jew il-ġid komuni tagħna huwa l-aktar għemil li jiddefinina bħala bnedmin kontemporanji. Li tkun ‘ċivilizzat’ jew ‘emanċipat’ illum ifisser li taqsam ma’ ħaddieħor; li dak li għandek ma żżommux għalik waħdek imma tagħmel lil ħaddieħor parti minnu.

Min-nuqqas għall-pussess

In-nies ta’ mezz’età bħali aktarx trabbew jew kienu mdorrijin mod ieħor. Fit-tfulija tagħna, fis-sittinijiet u s-sebgħinijiet tas-seklu l-ieħor, l-idea prevalenti kienet il-pussess. Il-ġenituri u n-nanniet tagħna kienu ħerġin minn sitwazzjonijiet ta’ ħtiġijiet bażiċi u, għalhekk, li jkollhom l-affarijiet, li jkunu sidien ta’ oġġetti meħtieġa, kien jagħtihom sens ta’ sigurtà u kuntentizza.

Minn hawn ġew l-ideat politiċi popolarissmi tas-sittinijiet u s-sebgħinijiet bil-gvernijiet ta’ Borg Olivier u ta’ Mintoff li n-nies jingħataw djarhom, li jkunu sidien ta’ djarhom. Dan kien ideal kbir li kien jimmarka mument importanti ta’ ċivilizzazzjoni nazzjonali, ta’ emanċipazzjoni soċjali u ta’ suċċess politiku.

Li tkun sid ta’ darek, li tkun patrun jew patruna ta’ affarijiet meħtieġa għall-ħajja, li jkollok iż-żejjed biex tqassam jew biex tidderverti bih ... dan kollu kien ifisser sodisfazzjon kbir għal kulħadd u sinjal ċar li l-affarijiet kienu sejrin tajjeb. Min-nuqqas għall-pussess kien mogħdija meħtieġa ta’ żvilupp u progress.

Mill-pussess għall-qsim

Dan beda jinbidel meta l-pussess ma baqax biżżejjed. Bħalna li darrewna bl-affarijiet fil-pussess tagħna ma bqajniex aktar nixxenqu biex ikollna l-affarijiet. Dan issodisfa l-bżonn ta’ min kien trabba bin-nieqes u l-meħtieġa anki tal-affarijiet l-aktar bażiċi. Imma bagħad, għal min ma kellu għalfejn jissodisfa dal-bżonn, l-affarijiet bdew jidhru mod ieħor.

Bdiet bil-mod il-mod dieħla l-idea li biex tgawdi xi ħaġa mhux bilfors trid tkun tiegħek. Setgħet kienet ta’ ħaddieħor, jew setgħet kienet ukoll ta’ kulħadd, jiġifieri proprjetà komuni. Dil-idea bdiet tidħol l-aktar minn barra l-pajjiż, imma kienet taqbel mal-mument tal-iżvilupp tagħna bħala poplu.

Mill-pussess, għalhekk, bdejna ngħaddu għall-qsim. Jiġifieri li naqsmu bejnietna—xi wħud jgħidu ‘nixxerjaw’—dak li nqiegħdu għall-użu komuni. Minn hawn bdew jissaħħu l-ideat tal-wirt komuni tagħna, tal-ġid komuni tagħna u tal-ħajja komuni tagħna. L-aktar importanti beda jsir, mhux il-pussess, imma l-qsim tal-ideat, tal-proprjetà, tal-ispazji, tal-qligħ, tal-ambjent ... tad-dinja.

Sharing

Dil-idea li naqsmu l-ġid, jiġifieri li nużawh ilkoll mingħajr ħadd ma jkun jista’ jgħid li hu tiegħu personali għall-użu privat tiegħu, qed taqbad l-għeruq dejjem aktar, anki fostna. Ma tidhirx li hi bħalissa l-idea l-aktar predominanti, għax il-kunċett ta’ pussess (‘Tiegħi’; ‘Tiegħek’; ‘Tagħna’; ‘Tagħhom’) għadu qawwi u mhux se jċedi kif ġieb u laħaq.

Minkejja dan, il-ġenerazzjonijiet il-ġodda, dawk li mhumiex l-ulied ta’ min għadda mill-gwerra jew għex immedjatament warajha, dal-ġenerazzjonijiet qed jidraw dejjem aktar jaqsmu dak li jkollhom. It-tendenza tagħhom hi li jisħqu anqas fuq il-pussess tal-affarijiet, inkluż djar, karozzi, spazji u l-bqija, u aktar fuq is-sabiħ tal-qsim ma’ ħaddieħor.

Jista’ jkun li għalhekk waħda mill-aktar kliem popolari llum hija l-kelma ‘sharing’. L-Ingliż tagħha juri li das-sentiment mhuwiex lokali biss. Anzi, huwa ħafna u ħafna aktar barra minn pajjiżna. Huwa sentiment, però, li fostna qed jikseb dejjem aktar sustanza u popolarità.

Is-‘sharing’ għandu siwi kbir kemm mil-lat uman, psikoloġiku u soċjali, imma wkoll mil-lat politiku u ekonomiku. Jalla nibqgħu nikbru u niskopru dal-valur tant prezzjuż u sabiħ.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?